Lokali

RITRATTI: Il-Karmelitani jagħlqu 600 sena f’Malta

Din is-sena timmarka 600 sena mill-wasla tal-Karmelitani f’Malta.

Bħala parti mill-festa tal-Madonna tal-Karmnu, it-Tnejn saret quddiesa solenni fis-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu fil-Belt u bħala ċelebrazzjoni ta’ dan l-anniversarju kien hawn Malta l-Pirjol Generali tal-Ordni Karmelitana Fernando Millan Romeral.

Il-Karmelitani waslu f’pajjiżna fl-1418, fejn ingħataw il-kappella Lunzjata fir-Rabat. Fis-snin u s-sekli ta’ wara fetħu kunventi madwar pajjiżna fosthom fil-Belt Valletta, il-Birgu, l-Imdina, Balluta, Santa Venera, Fleur-de-Lys Birkirkara u fil-Fgura.

Il-Karmelitani huma magħrufin għal ħajja li fiha huma devoti għall-qdusija, għall-għerf u għax-xogħol appostoliku.

“Ngħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment naqduh b’qalb safja u b’kuxjenza tajba,” din il-frażi meħuda mill-kitbiet ta’ S. Pawl hija l-bażi ta’ dak kollu li tiġbor fiha l-kariżma tal-Karmelitani, u l-pedament li fuqu San Albertu ta’ Ġerusalemm, il-patrun tal-Ordni, bena l-programm ta’ ħajjet il-Karmelitani.

Waqt il-pontifikal tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, irringrazzja lill-Maltin tal-Ospitalità li dejjem taw lil din l-ordni.

Fil-belt Valletta l-festi ssoktaw aktar tard wara nofsinhar fejn saret il-purċissjoni tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu mat-toroq tal-kapitali Maltija.