Futbol Sport

Ronaldo jinsisti li t-trasferiment ma’ Juventus mhix vaganza

Cristiano Ronaldo kien preżentat uffiċjalment bħala plejer ta’ Juventus wara li l-ġimgħa l-oħra ħarġet l-aħbar li l-Bianconeri akkwistaw lill-istilla Portugiża għal somma ta’ madwar €110 miljun, b’Ronaldo jiffirma kuntratt ta’ erba’ snin.

Ronaldo talab li jkun trasferit minn ma’ Real Madrid wara disa’ snin maċ-Champions Ewropej. Hu kkonferma li l-offerta ta’ Juventus kienet l-unika waħda li kellu f’dan is-suq tat-trasferimenti.

“Normalment plejers tal-età tiegħi jmorru l-Qatar jew iċ-Ċina bir-rispett kollu, u għalhekk li f’dan il-punt tal-karriera tiegħu ningħaqad ma’ klabb importanti, jagħmilni kuntent.”

Il-ħames darbiet Ballun tad-Deheb ingħaqad ma’ Juventus wara li rebaħ erba’ darbiet iċ-Champions League ma’ Real Madrid f’ħames snin. Iżda hu nsista li qed jimmira li jirbaħ aktar trofej mal-klabb Taljan.

“Irrid nimmarka l-istorja ta’ Juventus. Ninsab tajjeb fiżikament, mentalment u emozzjonalment u għalhekk li jien kburi li qiegħed hawn u bil-mod kif wasalt hawn,” kompla Ronaldo, li għandu 73 miljun li jsegwuh fuq twitter komparat mas-sitt miljuni li jsegwu lil Juventus.

Il-captain Portugiż insista li mhux se jirtira mit-tim nazzjonali u qal li l-fatt li ngħaqad ma’ Juventus mhix vaganza. “Jien differenti mill-plejers l-oħra li jaħsbu li l-karriera tagħhom hi mitmuma mal-età tagħhom. Jien differenti u hu mument emozzjonanti għalija u l-klabb għaliex ma għandix 23, imma 33 sena. L-età mhix importanti, inħossni tajjeb, motivat u eċċitat.”

L-iskwadra ta’ Juventus bdiet it-taħriġ diġà iżda Ronaldo qal li se jingħaqad ma’ sħabu l-ġodda fit-30 ta’ Lulju u jittama li jilgħab l-ewwel logħba kompetittiva tal-istaġun 2018/2019. Ronaldo saħaq li r-rebħ tas-sitt Ballun tad-Deheb li bih jaqbeż lil Lionel Messi, ma kinitx parti mid-deċiżjoni.