Sport Waterpolo

Spanja turi l-qawwa tagħha kontra t-tim Malti fl-ewwel impenn fil-Kampjonat Ewropew

MALTA………….4

SPANJA…………21

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta (1), A. Galea, J. Abela, M. Spiteri Staines, M. Zammit (1), S. Camilleri (2), J. Camilleri, B. Plumpton, A. Cousin, N. Bugelli, D. Zammit, J. Tanti

Spanja: D. Lopez Pinedo, A. Munarriz Egana (3), A. Granados Ortega (4), M. Del Toro Dominguez (2), M. Minguell Alferez (2), M. Larumbe Gonfaus (1), S. Cabanas Pegado, F. Fernandez Miranda (1), R. Tahull I Compte (4), F. Perrone Rocha (2), B. Mallarch Guell (1), A. Bustos Sanchez (1), E. Lorrio Bejar

Referees: Sergey Naumov (Russja), Irakli Kikashvili (Georgia)

Bidu diffiċli għat-tim Malti fit-33 edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew, hekk kif kien megħlub mill-ospitanti Spanja 21-4. Distakk ta’ 17-il gowl li Spanja bniet gradwalment fejn uriet id-differenza fil-kwalità.

L-Ispanjoli taħt it-tmexxija tal-kowċ David Martin pressa lit-tim Malti għoli, b’mod speċifiku fuq Stevie Camilleri. Dan wassal biex it-tim Malti sabha diffiċli li jilgħab il-ballun fis-centre.

Minkejja kollox, it-tim Malti lagħab fil-livell tiegħu, bl-unika nota pjuttost negattiva tkun li minn ħames okkażjonijiet ta’ raġel aktar, it-tim Malti skorja darba biss f’azzjoni veloċi. Għaldaqstant il-mertu jmur għat-tim Spanjol mhux minħabba nuqqas tat-tim Malti.

It-tim Malti rnexxielu jiftaħ l-iskor b’gowl tajjeb mis-centre ta’ Jerome Gabarretta. Iżda Spanja l-ewwel ġabet id-draw b’gowl minn ħames metri ta’ Marc Minguell Alferez.

Madwar żewġ minuti minn tmiem l-ewwel sessjoni, Spanja marret fil-vantaġġ minn kontrattakk skorjat minn Alvaro Granados Ortega. Gowls minn Marc Larumbe Gonfaus u Miguel Del Toro Dominguez taw vantaġġ tajjeb ta’ 4-1 lit-tim Spanjol.

It-tieni sessjoni kienet aktar diffiċli għat-tim Malti hekk kif Spanja baqgħu jippressaw għoli u t-tim Malti naqas ukoll li jiskorja f’żewġ okkażjonijiet ta’ man-up. Spanja skorjaw ħames darbiet mingħajr risposta fejn ħadet vantaġġ mill-kwalità tal-plejers li żmarkaw ruħhom tajjeb.

Id-distakk ta’ tmien gowls kien iffiser li Spanja serrħet rasha mir-rebħa, iżda fit-tielet sessjoni l-Ispanjoli baqgħu jilagħbu bla waqfien u komplew jagħmlu l-ħajja diffiċli għat-tim Malti.

Minkejja dan, it-tim ta’ Karl Izzo rnexxielu jiskorja darbtejn permezz ta’ Stevie Camilleri. L-ewwel irċieva mingħand Dino Zammit biex għamel l-iskor parzjali 2-10 u madwar nofs it-tielet sessjoni skorja mill-qrib minn rebound wara li xutt ta’ Michael Spiteri Staines kien ħabat mal-wieqfa.

Il-varjetà fil-gowls Spanjoli turi wkoll kemm huma b’saħħithom bħala tim hekk kif Tahull skorja ġmiel ta’ backhand, skorjaw mis-centre, b’kontrattakk filwaqt li ħadu vantaġġ minn xi żbalji żgħar tal-plejers Maltin.

Fl-aħħar sessjoni t-tim Malti prova jżomm l-iskor baxx kemm jista’ jkun u bħala konsolazzjoni ġie skorjat l-ewwel gowl minn man-up permezz ta’ Matthew Zammit. Spanja rnexxielha tagħmel l-iskor finali b’erba’ gowls li waslu mil-lemin, minn man-up, xutt intelliġenti ta’ Munarriz Egana u penalty ta’ Perrone.