Il-Presdient tat-Tuneżija Beji Caid Essebsi qal li jekk is-sitwazzjoni politika u ekonomika fil-pajjiż ma titjibx, kien ikun aħjar jekk il-Prim Ministru Youssef Chahed jirriżenja.
Tal-anqas qal il-President, jekk ma jagħmilx dan għandu jfittex vot ta’ fiduċja fil-Parlament.
F’Mejju Hafedh Caid Essebsi, iben il-President u li jmexxi l-Partit Nidaa Tounes, il-partit fit-tmexxija tal-pajjiż, talab għar-riżenja ta’ Chahed għaliex naqas li jġedded l-ekonomija. Is-sejħa tiegħu sabet appoġġ fl-union UGTT, li hi fost l-aktar b’saħħitha fil-pajjiż, u li warrbet ir-riformi ekonomiċi li kien ippropona Chahed.
Chahed, kien inħatar minn Essebi fl-2016, u akkuża lill-iben il-President li kien kisser lil Nidaa Tounes u minħabba f’hekk dan effettwa l-istituzzjonijiet tal-Istat.
S’issa seba’ Prim Ministri naqsu li jagħtu ħajja lill-ekonomija Tuneżina li qatt ma rkuprat mir-rivoluzzjoni li bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija fl-2011. Is-sitwazzjoni kompliet tmur il-baħar minħabba l-attakki terroristiċi li kien hemm fil-pajjiż.
Ultimatum lill-Prim Ministru tat-Tuneżija


