Lokali Mużika

Grecia Bezzina tirbaħ l-OGAE Vision Song Contest f’Berlin

Grecia Bezzina interpretat il-kanzunetta Everything t’Anna Vissi tal-Eurovision 2006.

Is-Sibt li għadda, il-kantanta Maltija Grecia Bezzina rebħet l-OGAE Vision Song Contest li sar fil-Kapitali Ġermaniża f’Berlin. Din kienet it-tieni darba li dan il-festival intrebaħ minn pajjiżna.

It-talenti ta’ Grecia ntlaqgħu ferm tajjeb hekk kif hija rebħet wara li kisbet 210 punti, minn voti tal-ġurija u vot tal-pubbliku preżenti għall-festival. Malta kisbet 38 punt iżjed mill-pajjiż li ġie fit-tieni post.

F’dan il-festival, li kien ikkontestat minn tmien pajjiżi oħra (San Marino, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Iżrael, l-Isvezja, il-Fillandja, l-Ukrajna u r-Renju Unit), Grecia Bezzina interpretat il-kanzunetta Everything t’Anna Vissi tal-Eurovision tal-2006.

Dan il-festival jippromovi l-kanzunetti tal-Eurovision Song Contest u kull pajjiż jibgħat kantanta li tinterpreta kanzunetta li tkun ħadet sehem f’edizzjonijiet passati tal-Eurovision.

Grecia kienet ntgħażlet b’mod intern mill-OGAE Malta biex tirrapreżenta lill-uniku fanclub uffiċjali tal-Eurovision f’Malta.

Permezz ta’ din ir-rebħa, Grecia ġiet mistiedna biex f’Settembru tkanta fuq vapur li jitlaq minn Ħelsinki bħala parti minn Eurovision Cruise.