Futbol Sport

Hallgrimsson jirriżenja minn kowċ nazzjonali tal-Iżlanda

Il-kowċ Heimir Hallgrimsson ħabbar li mhux se jibqa fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-Iżlanda. L-aħbar kienet fl-arja iżda lbieraħ ħarġet l-uffiċjalità.

Hallgrimsson ħalla lill-Iżlanda wara seba’ snin ta’ suċċess kbir, l-ewwel bħala assistent imbagħad bħala kowċ nazzjonali, f’perjodu fejn l-Iżlanda mill-104 post telgħet għat-22 post fir-rankings tal-FIFA.

F’dan iż-żmien, l-Iżlanda saret l-iżgħar pajjiż li qatt kwalifikat għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fejn saħansitra waslet sal-kwarti tal-finali. Tispikka fuq kollox ir-rebħa ta’ 2-1 fuq l-Ingilterra fir-rawnd tal-aħħar 16, b’Hallgrimsson ikun fit-tmexxija ma’ Lars Lagerback.

L-Iżlanda kkwalifikat ukoll għat-Tazza tad-Dinja li għadha kif intemmet fejn fid-debutt tagħha żammet draw lit-tim Arġentin, iżda kienet eliminata fil-fażi tal-gruppi.

Il-kowċ ta’ 51 sena ddeċieda li jħalli l-kariga u għalissa jirritorna fil-professjoni tiegħu ta’ dentist, tal-anqas sakemm ma jkollux offerta għal xi kariga. Hallgrimsson għad għandu l-klinika tiegħu u jiddeskrivi l-ħidma professjonali tiegħu bħala pjan B għaliex jemmen li x-xogħol fil-futbol ma jafx kemm idum. Permezz tal-ħidma tiegħu, l-Iżlanda rnexxielha tilħaq livelli li qatt ma laħqet qabel.