Edukazzjoni Lokali

Iktar studenti ma jgħaddux mill-eżami tas-SOK…u l-Bord iwaħħal fl-istudenti!

Minkejja li tbaxxiet il-marka minima biex tgħaddi, żdiedu l-istudenti li m'għaddewx

Il-Bord tal-MATSEC illum ħass li kellu joħroġ kjarifika dwar l-eżami tas-Systems of Knowledge ta’ din is-sena. Dan wara l-baraxx ta’ kritika li rċieva l-istess Bord, li spiċċaw weħlu fl-eżami tal-kitba.

Fil-fatt, il-Bord qal li rċieva numru ta’ lmenti minn studenti li poġġew għal dan l-eżami u li m’għaddewx minkejja li ġabu marka tajba ħafna fil-proġett li hu parti minn dan l-istess eżami. Il-proġett iġorr 40% tal-marka totali tal-eżami.

Skont il-MATSEC, l-istudenti ma fehmux kif dan is-suġġett qed jiġi eżaminat. Jidher li xi studenti ħasbu li l-marki tal-proġett jiżdiedu mal-marki tal-karta miktuba, iżda l-Bord qal li biex kandidat jgħaddi mill-eżami jrid jgħaddi mill-karta tal-kitba wkoll.

Skont il-Bord il-kandidati qegħdin jiffukaw fuq sezzjoni waħda jew tnejn biss tas-suġġett u mhux qed jagħtu wisq importanza lis-sezzjonijiet l-oħra.

Il-Bord qal li l-kandidati marru agħar fil-karta miktuba u kisbu marki iktar baxxi minn snin mgħoddija, u b’hekk kellha tibaxxa l-marka minima biex jgħaddu. Minkejja dan, il-perċentwali ta’ studenti li n’għaddewx f’din is-sessjoni xorta kienet ogħla minn tas-snin ta’ qabel.