Permezz ta’ komunikazzjoni li ntbagħtet fl-iskejjel, jidher biċ-ċar li l-Ministeru se jestendi l-proġett pilota dwar l-istampar fl-iskejjel kollha tal-istat. Dan ser ifisser li l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat se jkollhom jagħmlu użu mill-istamperija tal-Gvern għal kull karta li jkunu jridu jistampaw.
Fi stqarrija, l-MUT qalet illi dan hu każ ieħor fejn proġett pilota ma ġiex evalwat u minflok ser jiġi estiż bla ebda konsultazzjoni. Dan filwaqt li għal darb’oħra ma ngħatax widen għall-oġġezzjonijiet kollha li saru mill-edukaturi waqt li l-proġett kien qed ikun pilotat f’xi skejjel.
“Is-sistema li ser tkun qed tiġi implimentata ser ikollha impatt fuq l-awtonomija professjonali tal-edukaturi u l-iskejjel u ser titfa lil kulħadd f’sistema ta’ ipprintjar ċentralizzat. L-MUT tisħaq li din id-deċiżjoni ser tkun ta’ piż kbir fuq l-edukaturi, b’mod partikolari dawk l-għalliema, KGEs u LSEs li jaddattaw ix-xogħol tagħhom skont l-abbiltajiet tal-istudenti minn lezzjoni għal oħra. Ir-restrizzjonijiet permezz tal-użu tal-istamperija tal-Gvern ifissru li l-għalliema ser ikunu jistgħu jagħmlu stampar biss ta’ materjal li jiġi ppreparat minn diversi jiem qabel il-lezzjoniiet u dan ifisser li ma jista’ jsir l-ebda addattament tal-istess materjal.”
Din is-sistema ta’ stampar ċentralizzat ser toħloq sitwazzjoni iktar diffiċli għall-edukaturi. Fost id-diffikultajiet wieħed jista’ jsemmi li min qiegħed jordna l-istampar lanqas biss ser ikollu kuntatt ma’ min qed jagħmillu x-xogħol u lanqas ikun jaf f’liema ħin tal-ġurnata dan ser jitwassal lilu.
Ta’ min isemmi wkoll li l-proġett pilota, għalkemm kien jinvolvi biss numru żgħir ta’ skejjel, xorta waħda l-edukaturi esperjenzaw diversi diffikultajiet fis-servizz fosthom li l-istess stamperija ma bdietx tlaħħaq mat-talbiet tal-stampar.
Fl-aħħar nett, l-MUT fakkret li (biex jiġġustifika din il-mossa) il-Ministeru qed juża ċirkulari li kienet ħarġet mal-25 sena ilu sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni li l-ipprintjar ser isir kollu għand l-istamperija tal-Gvern.
“Min ħa d-deċiżjoni biex fl-iskejjel tiġi implimentata din iċ-ċirkulari jrid jorbot idejn l-edukaturi waqt li qegħdin jippruvaw jagħmlu x-xogħol professjonali tagħhom u żgur li m’għandux idea tar-realtajiet u l-ħtiġijiet fl-iskejjel. L-MUT mhix ser taċċetta din is-sitwazzjoni u ser tkun qed tiddikjara tilwima industrijali mal-Ministeru jekk din is-sitwazzjoni mhix ser tkun solvuta.”
//= $special ?>