Il-President Amerikan, Donald Trump, spiċċa suġġett għall-kritika wara li hu iddefenda lir-Russja kontra akkużi dwar indħil fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Meta ltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin waqt is-summit tat-Tnejn fil-Finlandja, Trump ikkontradixxa lill-aġenziji tas-servizzi sigrieti Amerikani fejn sostna li r-Russja ma kellhiex raġuni għalfejn tindaħal fl-elezzjoni tal-2016.
Din l-elezzjoni kienet issarrfet fil-mandat ta’ poter attwali għal Donald Trump u meta l-President Putin ċaħad li r-Russja qed taħdem minn taħt kontra l-interessi tal-Istati Uniti.
Intant, il-kritika għall-kummenti ta’ Trump kienet immedjata, fejn ir-Repubblikan Paul Ryan, bħala l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana, qal li l-President tal-Istati Uniti għandu jirrealizza li r-Russja mhix l-alleata ta’ Washington.
Il-Kap tas-servizzi sigrieti Amerikani, Dan Coats, ukoll ma qabilx ma’ Trump u sostna li r-Russja hi responsabbli minn sensiela ta’ attentati biex iddgħajjef id-demokrazija Amerikana.
Nhar it-Tnejn, il-Presidenti tal-Istati Uniti u r-Russja kellhom kważi sagħtejn ta’ taħditiet wiċċ-imb-wiċċ f’Helsinki u wara, Donald Trump qal, ċar u tond, li ‘ma jarax għalfejn ir-Russja kellha tindaħal fl-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana’.
B’dawn il-kliem hu deher qed imur kontra l-pożizzjonijiet tal-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti, bil-President Amerikan anki jwaħħal fl-amministrazzjonijiet (Amerikani) tal-passat għar-relazzjonijiet fqar li jeżistu bejn Washington u Moska, aktar milli fl-azzjonijiet tar-Russja proprja.
L-effett ta’ kliemu, intant, qanqal reazzjoni taħraq avolja l-President Trump, wara, bagħat messaġġ biex jgħid li ‘għandu fiduċja kbira fis-servizzi sigrieti ta’ pajjiżu’.
Fl-2016, l-aġenziji tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti konkludew li r-Russja kienet l-ixprun wara l-isforzi biex l-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana ‘iddur kontra’ il-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, li kienet ir-rivali prinċipali ta’ Trump.
Kien hemm ukoll allegazzjonijiet li r-Russja mexxiet kampanja ta’ attakki ċibernetiċi fost iċ-ċirkolazzjoni ta’ aħbarijiet qarrieqa fuq il-media soċjali bil-għan li ttellef il-kampanja ta’ Hillary Clinton.
//= $special ?>

