Lokali

Mil-lejla jibda l-programm “20 sena Net Television”

Fl-ewwel programm se jkunu mistiedna Roger Degiorgio u Pierre Portelli

Illum jixxandar l-ewwel programm mis-sensiela “20 Sena Net Television”, li se jibda jixxandar kull nhar ta’ Tlieta fid-8:45p.m. fuq Net Television. Il-programm qed isir fl-okkażjoni tal-20 sena mill-bidu ta’ Net Television. Fil-programm ippreżentat minn Louise Tedesco, kull ġimgħa ser niltaqgħu ma’ personalitajiet differenti li matul dawn l-20 sena taw xi tip ta’ kontribut lill-istazzjon Net Television. Fil-programm se naraw ukoll ħafna programmi li xxandru matul is-snin, drama li xxandru matul is-snin u nisimgħu l-istejjer relatati magħhom.

Fl-ewwel programm se jkunu mistiedna Roger Degiorgio, li kien l-ewwel Kap tal-istazzjon ta’ Net Television kif ukoll Pierre Portelli, Chairman Eżekuttiv ta’ media.link communications u li kien impjegat mill-bidu tal-istazzjon bħala ġurnalist u preżentatur u aktar tard kien anke Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet.

Fl-ewwel programm se jkunu trattati diversi suġġetti, fosthom il-pluraliżmu fix-xandir, l-importanza ta’ Net Television fl-isfond tas-sitwazzjoni politika bejn l-1996 u l-1998, x’wassal biex jinfetaħ l-istazzjon, kif ukoll diversi kurżitajiet oħra, fosthom minn fejn ġie l-isem “Net Television”.

Matul il-programm se jkollna l-opportunita’ wkoll li naraw diversi filmati mill-arkivji ta’ Net Television.