Lokali

L-Orizzont ixerred fake news minn email falz biex jigdeb fuq Media.Link u fuq iċ-Chairman Eżekuttiv

Il-ġurnalisti ta' Media.Link Communications igiddbu rapport qarrieq mill-Orizzont b'dikjarazzjoni ffirmata minnhom

Il-Partit Nazzjonalista ikkundanna l-attakk malizzjuż fuq l-impjegati ta’ Media.Link Communications u l-assassinju tal-karattru taċ-Chairman Eżekuttiv Pierre Portelli li sar illum mill-ġurnal L-Orizzont.

Il-fabbrikazzjonijiet li ġew ippublikati huma infondati, malizzjużi u maħruġin minn email falz maħluq biss ixerred gideb u biex jagħmel ħsara lill-media u lir-reputazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

L-Orizzont messa vverifikat dawn il-fabbrikazzjonijiet qabel ma ppubblikat dan ir-rapport. L-anqas li tista’ tagħmel L-Orizzont huwa li tiskuża ruħha u tirtira r-rapport qarrieq mill-aktar fis.

Sadanittant, il-ġurnalisti ta’ Media.Link Communications, il-kumpanija li tiġbor fi ħdanha NET News, In-Nazzjon u il-mument, iffirmaw dikjarazzjoni li fiha giddbu għal kollox rapport mhux veritier ippubblikat fil-gazzetta L-Orizzont.

Id-dikjarazzjoni, iffirmata mill-ġurnalisti ta’ Media.Link Communications, saret wara rapport fil-gazzetta tal-General Workers’ Union L-Orizzont li fih ingħatat l-impressjoni li fi ħdan il-media tal-Partit Nazzjonalista hemm ‘gwerra interna’ maċ-Chairman Eżekuttiv Pierre Portelli.

Il-ġurnalisti ta’ Media.Link iddikjaraw li qatt ma kienu parteċipi fil-ħolqien ta’ rapport ta’ 18-il paġna kif allegat L-Orizzont u wisq iżjed qatt ma bagħtu b’email dan l-allegat rapport lil ħadd – wisq iżjed lil kmamar tal-aħbarijiet ta’ media oħra.

Żiedu jiddikjaraw li ħadd mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ L-Orizzont, jew xi kamra tal-aħbarijiet oħra, ma pprova jivverifika magħhom l-allegazzjonijiet li L-Orizzont ippreżentat bħala fatt u azzjoni min-naħa tagħhom.

Id-dikjarazzjoni ffirmata mill-ġurnalisti ta’ Media.Link Communications

Sadanittant, il-gazzetta L-Orizzont intalbet miċ-Chairman Eżekuttiv Pierre Portelli biex tippubblika dritt għal risposta li fiha, Portelli qal li r-rapport tal-Orizzont hu rapport qarrieq u mhux veritier għaliex ġie ġġenerat minn email fażul maħluq minn individwu li l-iskop tiegħu hu biss li jagħmel ħsara lill-istess Chairman u lill-media tal-Partit Nazzjonalista.

Mill-verifika li saret minn service providers ta’ Media.Link Communications irriżulta bl-iżjed mod skjet li l-ebda email bhal dik ippublikata minn L-Orizzont ma’ ntbagħtet mill-indirizz news@netmedia.com.mt. L-istħarriġ indipendenti li sar mis-service provider tal-IT ta’ Media.Link Communications irriżulta li xi individwu li għandu esperjenza fl-użu tal-IT u hacking ikkrea kopja fażulla ta’ l-indirizz tal-email tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications u wżah biex ixerred l-allegazzjonijiet malizzjużi mal-kmamar ta’ l-aħbarijiet tal-media Maltin. Il-provi kollha u t-traċċi diġitali li juru l-ħolqien ta’ dan l-email fażul inġabru kollha mis-service provider u ġew mgħoddija lil Media.Link Communications.

Fl-istess d-dritt għar-risposta, Pierre Portelli żied li L-Orizzont għażlet li tippubblika l-allegazzjonijiet infondati u malizjużi kontrih mingħajr ma vverifikat il-fatti qabel xerdet dawn l-allegazzjonijiet.

“L-Orizzont setgħet faċilment ivverifikat jekk l-email li minnu rċeviet l-allegazzjonijiet kienx awtentiku jew le. L-Orizzont setgħet ukoll ivverifikat mal-ġurnalisti ta’ Net News jekk kinux huma li bagħtu l-allegazzjonijiet,” kiteb Pierre Portelli fl-ittra li bagħat lill-Orizzont.

Filwaqt li ċaħad l-allegazzjonijiet kollha li saru mill-Orizzont, Pierre Portelli tenna li dan ir-rapport hu parti minn frame-up fil-konfront tiegħu bil-għan li jkisser ir-reputazzjoni tiegħu, jimbarazzah publikament u jservi ta’ assassinju tal-karattru.

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista qal li juri solidarjetà sħiħa ma’ Pierre Portelli u mal-ħaddiema ta’ Media.Link u jtenni l-fiduċja tiegħu fihom.