L-eks kowċ nazzjonali Malti Tom Saintfiet inħatar kowċ tat-tim nazzjonali tal-Gambja. Il-Belġjan ta’ 45 sena li tkeċċa minn kowċ ta’ Malta f’April li għadda, ġie offrut kuntratt ta’ tmien xhur biex imexxi lit-tim nazzjonali Gambjan fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tas-sena d-dieħla.
Mat-tim nazzjonali Malti, Saintfiet kien fit-tmexxija ta’ tliet partiti li fihom it-tim Malti tilef it-tliet konfronti kontra l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Finlandja, fejn sofra disa’ gowls u ma skorja l-ebda gowl.
Hu se jieħu post il-kowċ Sang Ndong li kien ilu fit-tmexxija tal-Gambja minn Frar ta’ sentejn ilu. Il-Gambja għadha qatt ma kwalifikat għall-fażi finali, u telgħet fi Grupp D flimkien mal-favoriti l-Alġerija, it-Togo u l-Benin. Il-Gambja bdiet dan il-grupp b’telfa ta’ 1-0 kontra l-Benin f’Ġunju li għadda u tilgħab il-logħba li jmiss fis-7 ta’ Settembru f’Banjul kontra l-Alġerija.
Parti mit-tim nazzjonali tal-Gambja, hemm il-plejer ta’ Hajduk Split Hamza Barry li fil-passat lagħab f’pajjiżna ma’ Valletta.
Dan se jkun l-għaxar tim nazzjonali li Saintfiet se jmexxi. Minbarra Malta, il-Belġjan mexxa lit-timijiet nazzjonali tan-Namibja, iż-Żimbabwe, l-Etjopja, il-Jemen, il-Malawi, it-Togo, il-Bangladesh u Trinidad u Tobago.
//= $special ?>