Internazzjonali

Cliff Richard jirbaħ kawża kontra l-BBC

Il-kantant Ingliż Sir Cliff Richard rebaħ 210,000 Lira Sterlina mill-BBC wara li l-Ogħla Qorti iddeċidiet li l-kumpanija invadiet il-privatezza ta’ Richard meta xandret rejd tal-Pulizija li kien qed isir fir-residenza tiegħu.

Il-BBC kien xandar ir-rejd live li kien qed isir minħabba allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal waqt li Richard kien fuq btala f’Awwissu tal-2014. Eventwalment ma tressqu ebda akkużi kontra Richard minħabba nuqqas ta’ provi. Richard, li dejjem insista l-innoċenza tiegħu, kien stqarr li r-rejd kien għamillu ħafna ħsara u kien fittex lill-BBC minħabba l-mod kif irrapporta l-każ.

Richard stqarr li l-mod kif aġixxa l-BBC fil-konfront tiegħu kien għamillu ħafna ħsara u ma riedx li tiġri l-istess ħaġa lil nies oħra. Hekk kif spiċċat il-kawża, Fran Unsworth, id-direttur tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-BBC, għamlet apoloġija lil Richard u qalet li kien hemm affarijiet li suppost saru b’mod differenti.

Imma qalet li l-każ kien ċaqliqa kbira kontra l-libertà tal-istampa u li jipperikola d-dritt tal-pubbliku li jkun jaf x’qed jiġri. Il-BBC irid iħallas 65 fil-mija mis-somma filwaqt li s-South Yorkshire Police li mexxiet ir-rejd trid tħallas 35 fil-mija. Is- South Yorkshire Police kienu diġà qablu li jħallsu 400,000 Lira Sterlina wara kawża li kien fetaħ Richard kontrihom.