Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ammetta mhux kuntent bir-riżultati tal-MATSEC, dawk tal-O levels u l-A levels, hekk kif stenna ħafna aħjar. Dan qalitu l-gazzetta l-Orizzont wara li Bartolo ta l-kummenti dwar ir-reazzjoni tiegħu fuq l-aħħar riżultati li ħarġu fl-aħħar jiem. Evarist Bartolo stqarr mal-istess ġurnal li hemm il-ħtieġa għal aktar ħidma biex jinkisbu riżulati aħjar.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-PN ftit wara li ħarġu r-riżultati tal-MATSEC mill-ewwel permezz ta’ stqarrija qal li jinnota li minn 4,255 tifla u tifel imweldin fl-2000[1], u li allura din is-sena laħqu l-età taċ-ċertificat tal-Matsec, 972 kisbu dan iċ-ċertifikat fis-sessjoni ta’ Mejju, jiġifieri 23%. Dan hu tnaqqis fuq l-istess numru u persentaġġ tas-sena l-oħra f’dan l-istadju, meta f’Mejju tas-sena l-oħra kienu kisbu ċ-ċertifikat tal-Matsec 1,123 studenta u student, jiġifieri 26 % tal-4,308 titfal li twieldu fl-1999.
Il-Partit Nazzjonalista żied jinnota wkoll li kien hemm tnaqqis żgħir fuq is-sena l-oħra fl-ammont u l-persentaġġ ta’ studenti ta’ 16-il sena li ġabu l-kwalifiki tas-SEC meħtieġa biex ikomplu s-Sixth Form. Għalkemm it-tnaqqis kien żgħir, wieħed kien jistenna titjib, mhux tnaqqis, speċjalment meta f’pajjiżna huma madwar nofs biss l-istudenti ta’ 16 li jiksbu biżżejjed eżamijiet tas-SEC ħalli jkomplu s-Sixth Form.
Il-Partit Nazzjonalista żied jinnota wkoll id-differenza kbira li hemm fis-suċċess fl-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC bejn it-tfajliet u l-ġuvintur. Jinnota wkoll il-waqgħa kbira li qiegħda sseħħ fit-teħid tal-lingwi fil-livell tas-SEC. Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet edukattivi jagħmlu aktar biex ferm iżjed studenti tal-età ta’ 18 jiksbu ċ-ċertifikat tal-Matsec u dan b’ħidma akbar sa mis-sessjoni ta’ xahrejn oħra. L-istess kif iħeġġeġ lill-awtoritajiet jaħdmu ħalli aktar studenti ta’ 16 ikunu jistgħu ikomplu s-Sixth Form u jitgħallmu l-lingwi tant meħtieġa f’pajjiż miftuħ fuq l-Ewropa u d-dinja.
//= $special ?>