Lokali

FILMAT: Il-Kwadru inkurunat tal-Grazzja fl-aħħar fażi tar-restawr

Ħsarat misjuba mhux mistennija mir-restawraturi

Il-Kwadru Titulari Nkurunat tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar bħalissa jinsab fl-aħħar fażijiet tar-restawr hekk kif qed jingħataw l-aħħar irtokki ta’ qabel il-verniċ. Dan il-kwadru tpitter fl-1715 minn Alessio Erardi, iben l-artist Stefano Erardi, u jitqies fost l-aqwa xogħlijiet tal-artist.

Ċerti aspetti f’dan il-kwadru li kienu kważi ntilfu, possibbilment b’saffi ta’ verniċ mogħtija fil-passat, ġew żvelati taħt ir-raġġi UV u rkuprati grazzi għar-restawr afdat lill-kumpanija PrevArti, kif spjega aħjar ir-restawratur, Pierre Bugeja:

“Meta inti taqbad u tibda tnaddaf, hemm ikollok stampa ċara tal-ħsarat. Meta bdejna nneħħu l-verniċ safrani, tispikka d-differenza pjuttost kbira speċjalment fuq il-karnaġġjon bajdani ta’ Alessio Erardi, fuq il-wiċċ tal-Madonna u l-Bambin,  B’hekk tapprezza kemm kien sfar il-verniċ u kemm kien wasal għar-restawr.”

Infatti, ir-restawraturi ma stennewx il-ħsarat kollha misjuba fit-tindif:

“Jidher li ġara xi ħaġa lill-kwadru hekk kif ġarrab ħafna ħsara u ħafna miż-żebgħa kienet nieqsa. Jidher li l-ġibs li kien sar qabel, ma kienx livell mal-pittura u jekk wieħed jara dan mill-ġenb jidher ftit imħaffer. F’dan ir-restawr imlejjna dawn in-nuqqasijiet u sussegwentament kellna ħafna xogħol ta’ rtokk bażikament.”

Aspetti oħra li nkixfu permezz tat-tindif u r-restawr insibu s-sider, li kien mgħotti b’bicca drapp, il-ħalib bħala simbolu tal-grazzji, li ma baqax evidenti maż-żmien, u diversi uċuh tal-erwieħ tal-purgatorju li ġew irkuprati wara li kienu kważi ntilfu għal kollox. Il-kumpanija għamlet ukoll studju tax-xogħol t’Erardi biex ġew rikostruiti l-partijiet mitlufa.

F’dan il-kwadru naraw il-Madonna bil-Bambin f’post ċentrali tal-kwadru tixħet il-grazzji fuq l-erwieħ tal-purgatorju u teħles l-ilsiera permezz ta’ anġlu li jneħħi l-ktajjen minn fuqhom. Bħala kwadru mpitter fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, Erardi pitter xwieni tal-Ordni fuq in-naħa leminija u lil San Bernard fuq ix-xellug tagħha, peress li l-kwadru tħallas mill-familja ta’ Bernard Piscopo Macedonia, kif tixhed l-arma tal-familja fin-naħa xellugija t’isfel tal-kwadru.

Maż-żmien, saru bosta restawri, fosthom restawr maġġuri minn Lazzru Pisani fl-1895, kif tixhed firma misjuba fuq in-naħa ta’ wara tat-tila eżistenti, hekk kif għamel rintilar ġdid fuq it-tilar oriġinali. Din it-tila reġgħet ġiet stabilizzata, bi proċessi bħal strip lining. wara li nstabu partijiet mqatta’ fil-ġenb tat-tila fost l-oħrajn.

Il-kwadru gie inkurunat solennement b’digriet mill-Vatikan nhar it-2 ta’ Settembru 1951 u gie nkurunat mill-Arcisqof Gonzi biex 50 sena wara, dan il-kwadru gie mzejjen bi 12 il stilla tad-deheb, imqiegħdin mill-Arcisqof Guzeppi Mercieca.

Minħabba f’dan, ir-restawraturi qed jevalwaw mezzi oħra kif jitweħħlu l-kuruni u l-istilel mingħajr mat-tila tiġi mtaqqba:

“Jekk dawn jibqgħu mweħħlin, minn naħa tagħna irridu nassiguraw li tiġi proteġuta it-tila. Il-ponot tal-istilel per eżempju qiegħdin direttament maż-żebgħa. Għalhekk, f’dan il-kwadru se nsibu metodi alternattivi kif dawn twaħħalhom mingħajr ma ttaqqab it-tila.”

L-inawgurazzjoni se jsir it-Tlieta 21 t’Awwissu biex jiżżanżan fil-ħin għall-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja.