Fost ħafna kantanti lokali stabiliti bħal Chiara, Amber u Leontine fil-musical oriġinali tant mistenni, Il-Ħanina Maddalena, jieħdu sehem l-aħwa Dorothy u Samaria Bezzina. Il-familja Bezzina ilha tagħti gost lil ħafna udjenzi fejn jidħol il-kant u l-ispettaklu.
“Għalina, tista’ tgħid, saret xi ħaġa naturali. Bħala aħwa lkoll involuti fix-xena mużikali jew artistika b’xi mod jew ieħor. Naturalment, l-esperjenza dejjem tkun isbaħ meta nkunu flimkien.” qalet Dorothy Bezzina waqt li qed tilbes l-ewwel libsa tagħha, dik ta’ prostituta li tħobb ħafna lil binta. “Tereża hija mara Bormliża fit-tletinijiet, u ma tantx tħalli lil min jagħmlilha bżieq fuq imneħirha. Hija wkoll omm li ssofri meta bintha titteħdilha biex tingħata ħajja aħjar f’kunvent tal-klawsuwra u lesta tagħmel l-impossibbli biex terġa’ tkun ħdejha”, kompliet Dorothy
Minn naħa l-oħra, il-parti ta’ Samaria Bezzina hija dik ta verginella. “Qed ninterpreta parti li, għalkemm hija ta’ soru, hija waħda żgħira ħafna fl-età u tidħol fil-kunvent kontra r-rieda tagħha. Aktar milli l-parti ta’ soru nnifisha, huwa t-tlaqqigħ ta’ dawn l-elementi li jagħmel il-karattru aktar interessanti.” qaltilna Samaria waqt li Jackie Grima qiegħda tlestila l-irtokk. Infatti f’dan il-musical hemm ħafna xogħol minn wara l-kwinti fejn il-kostumi, l-irtokk u d-disinn tax-xagħar kienu part importanti ħafna mill-proċess tal-provi.
Għajnejn Samaria jixgħelu kif titkellem fuq il-karattru tagħha, “Jien qed ninterpreta l-karattru ta’ Angelica, tfajla grazzjuza ta’ madwar sittax-il sena. Ftit wara li tilfet lil ommha hija ssib ruħha mal-Verġinelle fil-kunvent tal-Ħanina Maddalena, kontra r-rieda tagħha. Għalkemm il-kunvent begħedha mill-maħbub tagħha, u ma kienx daqstant il-post ideali għaliha, hija tiprova tadatta ħajjitha u taċċetta s-sitwazzjoni li tinsab fiha, għax fil-verità m’għandhiex aktar fejn iddur. Sakemm…” u taqbad u tidħak. Ma tridx tgħidilna aktar.
Dlonk taqbeż għaliha Dorothy, li issa libest l-ewwel kostum tagħha fost il-ħafna li trid tbiddel: “ L-istorja, għalkemm romantiċizzata, hija mibnija fuq fatti storiċi u ambjentata f’Malta, lejn l-aħħar tal-ħakma tal-Ordni. Tittratta l-isforzi li kienu saru biex numru ta’ prostituti jew it-tfal tagħhom jikkonvertu f’postijiet sani u ’l bogħod mill-periklu. Min jattendi se jgawdi serata varjata ta’ mużika sabiħa li tagħti togħma ċkejkna ta’ dawn il-ġrajjiet iddokumentati.”
B’direzzjoni Josette Ciappara, l-ispettaklu żgur li se jkun mhux ta’ min jitilfu, Il-musical tant mistenni, Il-Ħanina Maddalena, se jibda jintwera fit-18 ta’ Lulju fi Pjazza Teatru Rjal, u jkompli fl-20, 21, 22, 25, 26, 27, 28 u 29 ta’ Lulju. Il-Mużika hija tal-Maestro Dominic Galea u kitba ta’ Simon Bartolo b’lirika ta’ Loranne Vella.
Sa dan it-tant Samaria lestiet mill-irtokk, iżda trid tibda tilbes l-ewwel kostum tagħha, pero’ qabel ma titlaq tinsisti li tgħidilna “Ta’ min jattendi l-ewwelnett għax hija kitba oriġinali b’mużika eċċellenti. Barra minn hekk kif qalet oħti tiddokumenta parti mill-istorja tagħna fi żmien il-Kavallieri u aktarx, għal bosta bħali, hija skoperta ġdida.” u tħallini b’dik it-tbissima tipika tal-familja Bezzina.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.ilhanina.com u aktar informazzjoni minn 2339 7000. Il-Ħanina Maddalena huwa parti mill-Malta International Arts Festival, ikkummissjonat mill-Valletta 2018 u Festivals Malta u appoġġjat minn PBS Malta, il-Malta Film Commission u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
//= $special ?>