Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, it-Tlieta filgħaxija żar il-Fiera l-Kbira f’Monte Kristo, li issa daħlet fil-5 sena tagħha. Huwa kien akkumpanjat mill-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo, hekk kif dawn żaru ‘l-fuq minn 200 esebitur f’din il-fiera.
Mal-wasla tiegħu fuq il-post, huwa kien milqugħ mill-organizzaturi sabiex iddawwar madwar il-Fiera l-Kbira. Hawn kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-eluf ta’ Maltin li żaru l-fiera, biex filwaqt li serviet bħala ħarġa għaluhom, dawn jixtru xi ħaġa li tgħodd għalihom.
Fost l-affarijiet għall-bejgħ hemm ikel, xorb, xogħol artiġjanali, pjanti, ċeramika, għammara għad-dar u l-uffiċjini, għodda u dekorazzjonijiet għad-dar, u bejgħ ta’ propjetà fost l-oħrajn. Kien hemm ukoll għall-bejgħ muturi bil-marka Valletta biex jikkommemoraw l-għoti tat-titlu tal-Belt Ewropea tal-Kultura. Żona partikolari hija dik dedikata għat-tfal, fejn ittellgħet fun park biex din isservi kompletament ħarġa għall-familja kollha
Spikkat żjara ta’ Adrian Delia fil-birrerija l-ġdida “Brauerei Monte Kristo” fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u apprezza x-xogħol meħtieġ biex issir il-birra u l-ġmiel tal-istess birrerija.
Matul din iż-żjara fil-Fiera l-Kbira, kienu bosta dawk li tkellmu direttament mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex iwasslu l-opinjoni u l-ideat tagħhom.
Din il-fiera tiġġenera €23miljun ta’ bejgħ bejn wieħed u ieħor u kull sena jattendu ‘l-fuq minn 100,000 persuna matul il-11-il ġurnata li ddum miftuħa. Wieħed jista’ jżur il-fiera billi jmur Monte Kristo Estates bejn is-6:30PM u l-11PM sal-Ħadd 22 ta’ Lulju.
//= $special ?>