Fl-10 ta’ Settembru li ġej fil-Palazz tal-Verdala għall-ewwel darba f’pajjiżna se jitella’ l-“Premio Margutta – La Via delle Arti”. Dan il-premju għandu rabta ma’ Via Margutta, f’Ruma, li fiha kien inħadem il-film “Vacanza Romane” u minn hemm dan l-isem ta’ Margutta ħa xejra differenti, fejn fiha tispikka l-arti.
It-tlettax-il edizzjoni ta’ dan il-premju qed isir f’pajjiżna għax l-organizzaturi jemmnu fil-potenzjal tal-Belt Kapitali Maltija ma’ Ruma. Ħadna l-kummenti ta’ Grazia Marino, il-Manager ta’ Spazio Margutta fejn sostniet dan u qalet li hija tinsab ottimista li dan il-premju jinsab f’pajjiżna.
Kellimna wkoll lil kreatur u produttur tal-attività Antonio Falanga fejn qalilna li din is-sena, Malta li qed tospita l-belt kulturali Ewropea hija l-okkazzjoni ġusta, li dan il-premju ikun fil-Belt Valletta u l-madwar. Huwa qal li hija okazzjoni unika għas-sempliċi fatt li l-premju jħares lejn il-kultura, għall-arti, u huwa l-mument opportun biex dan il-premju joħroġ ‘il barra minn Ruma u jiġi f’pajjiż li tista’ tgħid huwa simili tal-istess kapitali Taljana.
Il-“Premio Margutta”, wara 12-il sena f’Ruma, din is-sena se jkun fostna biex jagħti ġieħ lil artisti mhux biss Taljani iżda anki Maltin.
L-attività kienet imħeġġa li tiġi f’Malta minħabba r-rabta tal-BPW f’pajjiżna u ma’ BPW f’Ruma. L-għan ta’ din l-organizzizzajoni huwa li jkun il-vuċi għad-drittijiet tan-nisa. Net News tkellem ma’ Stephanie Falzon, il-President tal-BPW Malta fejn qaltilna aktar fuq il-ħidma tal-istess organizzazjoni. Hija qaltilna li l-għan ta’ kull BPW mxerrda fid-dinja, għalkemm b’għan aħħari, li jkun il-leħen tal-mara, iżda kull pajjiż jaħdem fuq aġenda diversa fejn il-ħtiġijiet ta’ kull nazzjon ikunu differenti.
Il-premijiet dis-sena mhux biss se jagħtu rikonoxximent lil artisti Taljani, imma anki lil dawk Maltin. Is-serata tal-10 ta’ Settembru se tkun preżentata minn Jean Claude Micallef u Louise Tedesco.
//= $special ?>