Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti jittama fi prestazzjoni pożittiva kontra l-kwalità tal-Montenegro

Il-kontinġent Malti qabel ħalla pajjiżna lejn Barcelona

It-tim nazzjonali Malti se jkun impenjat fit-tieni konfront tiegħu minn Grupp B, din id-darba kontra l-Montenegro. It-Tnejn, il-plejers Maltin fetħu l-impenji b’telfa ta’ 21-4 kontra l-ospitanti Spanja, f’logħba li fiha l-Ispanjoli baqgħu jżommu livell għoli fil-partita kollha.

Ir-riżultat tal-konfront kontra Spanja kien mistenni, iżda probabbilment il-kowċ Malti Karl Izzo xtaq li d-distakk bejn iż-żewġ timijiet ikun anqas, wara li sentejn u nofs ilu fil-Kampjonat Ewropew, Spanja kienet rebħet 14-3.

Il-kowċ Malti baqa’ pożittiv tul il-partita, konxju mill-qawwa tal-avversarji. Żgur li Izzo jrid jiffoka biex itejjeb is-sitwazzjonijiet ta’ raġel aktar, hekk kif minn ħamsa fil-logħba kontra Spanja, ġie skorjat gowl biss f’azzjoni li kienet veloċi.

L-avversarji l-Montenegro għandhom potenzjal li jibqgħu javvanzaw sal-aħħar stadji tal-kompetizzjoni. L-istilla tagħhom hu bla dubju Aleksander Ivovic, plejer li lagħab f’pajjiżna fil-kampjonat tas-sajf tas-sena l-oħra, fejn kien strumentali biex San Ġiljan rebħu l-unuri kollha.

Ivovic kien importanti wkoll biex il-Montenegro rebħet l-ewwel logħba tagħha kontra Franza 8-6, b’Ivovic jiskorja tripletta, inkluż gowl minnhom mid-distanza. Matul il-partita, il-Montenegro ħadet vantaġġ bikri ta’ 3-0 u minn hemm ikkontrollat, anki jekk Franza baqgħet fil-partita.