Lokali Qorti

AĠĠORNATA: “Għalfejn għamilli hekk?” – ħu Hugo fil-Qorti

NET News b'aġġornamenti kontinwi mill-awla, hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil ta' Hugo Chetcuti

Illum tressaq il-Qorti s-Serb Bojan Cmelik akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti. L-aħbar li Hugo tilef ħajtu ħarġet nhar il-Ħamis li għadda, dan wara li kien għamel sitt ijiem rikoverat fit-taqsima intensiva. Rapporti jixhdu li l-aggressur għannaq lil Hugo qabel tah daqqiet ta’ sikkina, wara l-Pulizija qabdu lill-allegat aggressur f’Tas-Sliema.

Bojan Cmelik ta’ 35 sena mis-Serbja nżamm arrestat, dan minkejja li r-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Illum bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih.

Hawn taħt għandek issib aġġornamenti kontinwi minuta b’minuta mill-awla tal-Qorti hekk kif seħħew:

Aġġornamenti live mill-awla:

13:35 – Is-smiegħ tal-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet aġġornata għal 31 ta’ Lulju, fil-11.30 ta’ filgħodu. L-akkużat Bojan Cmelik ġie mmanetjat u eskortat mill-uffiċjal tal-ħabs lura lejn Kordin fejn qed jinżamm arrestat.

13:33 – Il-prosekuzzjoni qalet li għad iridu jitressqu tal-inqas sitt uffiċjali tal-Pulizija oħra, u tabib ieħor.

13:21 – L-Ispettur Trevor Micallef talab lill-Maġistrat biex tinkludi lill-esperti Dr Marisa Cassar appuntata mill-Maġistrat Inkwirenti, fejn din ingħatat struzzjonijiet biex tagħmel testijiet tad-DNA fuq il-katavru. Intalab ukoll biex jitqabbad espert biex jieħu ritratti tal-katavru u dawn jiġu mqabbla mal-filmati tas-CCTV. Il-Maġistrat ordnat ukoll li jkun hemm espert ieħor li jeżamina l-oġġetti allegatament użati fl-attakk u jqabbilhom mat-traċċi tas-swaba tal-akkużat. Se jittieħdu wkoll ritratti u fingerprints tal-akkużat, li għalihom id-difiża ma oġġezzjonatx. B’hekk b’kollox ġew appuntati tliet esperti.

13:18 – Wara li tressaq l-aħħar xhud minn naħa tal-prosekuzzjoni, persuna li ma tatx ix-xhieda iżda kienet qegħda preżenti fl-awla ħarset lejn l-akkużat Bojan Cmelik li qiegħed bilqegħda bejn żewġ Pulizija, u b’ton sarkastiku u ta’ rabja qallu “Thank you, thank you very much Bojan”.

 

Xhieda tal-Projects Manager ta’ Hugos, Simon Attard:

13:16 – L-avukat Joe Giglio irrimarka li japprezza l-isforz tal-Qorti biex tifhem l-pożizzjoni tax-xhieda waqt li seħħ l-attakk, iżda dawn il-moviment kollha huma maqbuda fuq filmati ta’ CCTV.

13:12 – Wara mistoqsija mill-avukat difensur Ishmael Psaila, il-Maġistrat Marseann Farrugia talbet lil Simon Attard biex ipenġi fuq karta l-pożiżżjoni li kienu fiha meta seħħ l-attakk bl-ismijiet tal-persuni, b’linka blu. Wara intalab ipenġi l-movimenti tal-idejn b’linka ħamra u linka sewda sabiex jispjega liem id uża l-aggressur.

13:10 – Mistqosi mill-avukat Joe Giglio,  Simon Attard ipponta u ħares f’għajnejn l-akkuzat Bojan Cmelik.

13:04 – Simon Attard qal li ra lil dan il-persuna bil-kappell ipoġġi idu madwar Hugo u bl-id l-oħra jagħti daqqa ta’ sikkina, qal li l-aggressur uża l-id ix-xellugija tiegħu biex jagħti d-daqqiet ta’ sikkina. L-istess Simon Attard qed jagħmel mossi b’idejh biex jispjega kif seħħew l-affarijiet, Simon Attard għolla idejh ix-xellugija biex taparsi jgħannaq lil Hugo, filwaqt li beda juża idu l-leminija biex jagħti daqqiet ta’ malajr ta’ sikkina. B’kollox rah jagħti żewġ daqqiet fl-istonku. Madanakollu, hu ra dan il-moviment ta’ daqqiet, iżda s-sikkina ma rahiex. Qal li Hugo Chetcuti imbutta lill-persuna, Hugo għamel pass ‘il quddiem lejn l-aggressur.

13:03 – Qal li hu ra lil dan il-persuna jersaq lejn Hugo Chetcuti biex jgħannqu, u din kienet ħaġa normali li jaraw lil Hugo jitgħannaq f’Paceville ma’ nies differenti.

13:00 – Simon Attard qal li hu kien qiegħed eżatt wara Hugo Chetcuti hekk kif seħħ l-attakk. Spjega li Hugo kien bilqegħda fuq banketta għolja. Simon Attard qal li hu ra raġel stramb riesaq lejhom b’kappell li hu ddeskrivih bħala ‘tad-daħq’. Qal li hu rah l-ewwel hekk kif kien tiela t-taraġ ta’ Paceville, għadda minn bejn Isaac Chetcuti u Hugo Chetcuti – stqarr li hu ma semgħax lil dan il-persuna jitkellem dak il-ħin.

12:59 – Simon Attard qal li hu kien qiegħed jattendi ‘soft opening’ tal-istabbiliment Hugos’ Seafood and Cocktail Bar, flimkien ma’ Hugo, l-familjari ta’ Hugo, u l-managers.

12:54 – Jixhed issa Simon Attard, Manager għall-kumpanija ta’ Hugo Chetcuti. Fejn stqarr li għalkemm din mijiex l-ewwel darba li hu qed jixhed il-Qorti, qed iħossu komoss minn dak li seħħ. Spjega li hu ilu jaħdem ma’ Hugo għal dawn l-aħħar 20 sena.

Xhieda ta’ ħu Hugo Chetcuti, Isaac Chetcuti:

12:53 – Mistoqsi mill-avukat Joe Giglio, Isaac Chetcuti identifika u pponta lejn l-akkużat li jinsab bilqegħda bejn l-uffiċjali tal-ħabs fejn għarfu li hu kien li ta d-daqqa’ ta’ sikkina lil ħuh Hugo Chetcuti.

12:49 – Il-Ħadd filgħodu, Isaac Chetcuti kellem lil ħuh għal xi 8am, saqsih kif inhu – u Hugo qallu li qed iħoss uġigħ kbir u qed iħoss li qed imut. Madanakollu, Isaac Chetcuti qal li hu dejjem baqa’ jagħtih kuraġġ. Spejga kif Hugo Chetcuti ma kienx konxju wara li ħarġet oħthom Cheryl daħlet tkellem lil Hugo, u ħarġet f’paniku hekk kif it-tobba daħlu joperaw fuqu. Wara il-professur Mr Attard mar jinforma lill-familjari li Hugo kien se jkollu jiġi operat għat-tieni darba.

12:46 – Mistoqsi mill-avukat Joe Giglio, Isaac Chetcuti qal li hu Hugo Chetcuti qallu “Għalfejn għamilli hekk, għalfejn għamilli hekk – lanqas biss nafu”. Dan filwaqt li żied li Hugo Chetcuti qal lil ħuh biex ikellem lis-Surgeon Attard. Wara dak l-episodju, u kellem lil ħuh u beda jgħidlu biex jagħmel kuraġġ għaliex ir-riżultati mediċi tas-saħħa jidhru li Hugo Chetcuti kien miexi ‘l quddiem.

12:44 – Isaac Chetcuti qal li hekk kif dar lura hu ċempel 112 fejn infurmahhom li ħuh sofra xi daqqiet ta’ sikkina, fejn wara waslu l-karozi tal-Pulizija fuq il-post. Hemmhekk tkellem mal-Pulizija fejn spjega li dan il-persuna li ta d-daqqiet mar jiġri fid-direzzjoni ta’ Spinola u spjega li kien liebes qmis blu u kappell isfar qisu tat-tiben. Hemmhekk qalulu li Hugo Chetcuti ttieħed l-isptar, u wara ċempel lit-tifel tiegħu Luke Chetcuti li kien qiegħed imsiefer. Wara, ħu Hugo Chetcuti qal li hu mexa lejn il-karozza wara dan kollu, u saq lejn l-isptar.

12:42 – Ħu Hugo Chetcuti spjega li hu telaq jiġri warajh u baqa’ jiġrih quddiem Bobby’s Tattoo. Qal li miegħu kien hemm persuni oħra li kienu qegħdin jiġru warajh. Imbagħad wara qal li mhux se jleħħaq jiġri miegħu u dar lura biex jara kfi inhu ħuh.

12:40 – Hawnhekk Isaac Chetcuti għamel enfażi li hi normali li jara lil ħuh Hugo Chetcuti jkellem nies, u kif jagħmel issoltu Hugo Chetcuti ħareġ idu biex jieħu b’idejn dan il-persuna li għajjatlu. Dak il-ħin ra lil dan il-persuna li għajjatlu jaqbad lil Hugo Chetcuti minn rasu qisu biex jgħannqu. Iżda imbagħad ra idu tiċċaqlaq lejn l-istonku ta’ Hugo Chetcuti. Daki il-ħin Hugo Chetcuti qam bilwieqfa minn fuq il-banketta, u ra lil dan il-persuna jagħti żewġ daqqiet ta’ sikkina b’mod veloċi fl-istonku ta’ Hugo Chetcuti. Isaac Chetcuti qal li dak il-ħin induna li kien hemm xi ħaġa ħażina u daħal bejn dan il-persuna li ta d-daqqiet ta’ sikkina u Hugo Chetcuti. Wara, dan il-persuna tela’ jiġri fid-direzzjoni ta’ Hugo’s Pizza & Pasta u Hugo’s Boutique Hotel.  Isaac Chetcuti spjega kif dak il-ħin sema’ l-għajta ta’ ħuh u dan beda jżomm miegħu.

12:36 – Mistqosi mill-avukat Joe Giglio, Isaac Chetcuti ddeskriva lill-agressur li kien liebes qmis blu u kappell isfar. Hu rah ġej mid-direzzjoni ta’ Bar Native fit-taraġ ta’ Santa Rita ġej fid-direzzjoni tagħhom.

12:34 – Ħu Hugo Chetcuti spjega kif Farrugia magħruf bħala l-Gypsy li huwa l-Head of Security niżel ma’ oħthom Cheryl lejn Baccos. Għalhekk baqgħu tliet minn nies: Hugo kellu dahru lejn Baccos iħares lejn l-entratura tal-istabbiliment Seafood and Cockatil, Isaac Chectui kien qiegħed fuq banketta jħares lejn Baccos il-kontra ta’ Hugo. Imbagħad qal li jiftakar lil xi ħadd jgħajjatlu Hugo, fejn ħuh ħares lejn Bar Native u hemmhekk ra lill-akkużat ġej.

12:30 – Isaac Chetcuti qal li huma kielu l-lobster, u wara li ħasel idejh reġgħu ħarġu barra biex ipejpu sigarett. Spjega kif barra kien hemm Hugo Chetcuti kien qiegħed dahru lejn Baccos, flimkien miegħu, oħthom Cheryl u r-raġel tagħha Noel Falzon, il-foreman li jieħu ħsieb il-hotel fil-kostruzzjoni Simon, ieħor Farrugia magħruf bħala l-Gypsy li hu s-security personali ta’ Hugo Chetcuti pero wkoll ikun qiegħed fl-istabbilimenti ta’ Hugo’s.

12:28 – Ħu Hugo Chetcuti qal li bejn l-ikel huma bdew joħorġu barra biex ipejpu sigarett, u din ġrat għal kemm-il darba. Dak il-ħin inqalgħet problema oħra hekk kif mar id-dawl ta’ Hugo’s Terrace. Għalhekk isejjaħ persuna biex isewwi l-problema tal-elettriku, u dan il-persuna kien f’kuntatt ma’ Hugo biex isewwi wieħed mill-phases tad-dawl.

12:27 – Isaac Chetcuti qal li għall-ħabta ta’ 8pm hu wasal Paceville fejn ipparkja fil-garage viswit il-Hugo Hotel il-ġdida. Minn hemmhekk, mexa lejn Seafood and Cocktail Bar. Hemmhekk ra lil-ħuh u filfatt qal li hu kien minn tal-aħħar li wasal fuq il-post, fejn wasal ma’ oħtu Cheryl Chetcuti. Isaac Chetcuti qal li Hugo mar fuqhom u offrilhom biex iduqu l-cockatils u wara poġġew bilqegħda.

12:25 – Isaac Chetcuti qal li hu jiġi ħu Hugo Chetcuti, fejn qal li filgħodu irċieva messaġġ biex dakinhar filgħaxija se jagħmel festin għall-managers u l-familja biex iduqu l-ikel tal-menu l-ġdid fl-istabbiliment Seafood and Cocktail Bar. Isaac Chetcuti xehed li hu rrisponda li kien se jiċċekja mal-mara hux se jkun qed jattendi.

12:25 – Wara l-eżaminazzjoni mill-Maġistrat Marseann Vella, Isaac Chetcuti ġie mistoqsi mil-avukat Joe Giglio.

12:23 – Imiss issa li jixhed ħu Hugo Chetcuti, Isaac Chetcuti, li ukoll se juża s-servizzi ta’ interpretu biex jagħti x-xhieda mill-Malti għall-Ingliż.

 

Xhieda tal-Pulizija tal-RIU Joseph Camilleri:

12:22 – Hekk kif ġie muri ritratti ta’ ġrieħi, il-Pulizija Joseph Camilleri ikkonferma li dawk l-feriti sofrihom hu waqt l-arrest ta’ Bojan Cmelik. Il-kontreżami ġie riżervat mill-avukat Ishmael Psaila.

12:20 – Il-Pulizija Joseph Camilleri qal li hu flimkien ma’ PC 877 u PC 606, wara marru ċentru tas-saħħa biex jiddewwew. Mistoqsi mill-Ispettur Trevor Micallef, il-Pulizija Joseph Camilleri identifika l-persuna li beda’ jagħti waqt l-arrest fl-awla li qiegħed bilqegħda fil-bank tal-akkużati.

12:18 – Il-Pulizija Joseph Camilleri qal li laqtu bit-tazer darbtejn, waħda fil-polz u l-oħra ma jiftakarx fjen laqtet. Wara li ġie arrestat, saret it-tfittxija fuqu u nstabet sikkina.

12:15 – Il-Pulizija tal-RIU Joseph Camilleri qal li flimkien ma’ PC 877 raw lill-persuna li qabel mad-deskrizzjoni ta’ qmis blu skura u shorts ċar, fi Triq Sant’ Elena. Kien hawnhekk fejn ingħatat l-ordni lir-raġel suspettat biex jieqaf hekk kif dan kien qiegħed iżomm xi ħaġa minn taħt il-qmis. Kien hawnhekk fejn sparaw it-tazer fid-direzzjoni ta’ Bojan Cmelik. Madanakollu, Cmelik baqa’ jagħti u kellu jerġa’ jintuża t-tazer u jsir l-arrest għall-darb’oħra wara li falla l-ewwel attentat.

12:10 – Il-Pulizija Joseph Camilleri qal li hu kien qiegħed xogħol overtime filgħaxija. Spjega kif għall-ħabta tal-10.30pm ġew infurmati mill-control room tal-Pulizija li seħħ attakk bl-użu ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Qal li kien ma’ PC 606, PC 971, u PC 146 fejn ta l-verżjoni li taqbel ma’ dak li xehdu fuqu t-tliet Pulizija ta’ qabel quddiem il-Qorti.

12:08 – Tela’ jixhed issa PC 142 Joseph Camilleri mis-sezzjoni tal-Pulizija tal-RIU wkoll.

 

Xhieda tal-Pulizija mill-RIU Glenn Vella:

12:07 – Il-membru tal-RIU Glenn Vella preżenta żewġ ritratti tas-sikkina fuq il-post waqt li saret it-tfittxija fuq il-persuna ta’ Bojan Cmelik, li ħadhom bil-mobile tiegħu. Kien hawn fejn il-membru tal-RIU Glenn Vella identifika lil-persuna li huma arrestaw flimkien ma’ numru ta’ kollegi oħra.

12:04 – Mistoqsi mill-Ispettur Trevor Micallef, il-Pulizija Glenn Vella qal hu kellu jerġa’ juża t-tazer hu għat-tieni darba meta kien qed jinżamm mal-art biex isir l-arrest. Qal, li dak il-ħin meta reġa’ intuża t-tazer, Bojan Cmelik ikkalma naqra u setgħu jlibsuh il-manetti waqt li kien wiċċu ‘l isfel. Żied li kien evidenti li huma kienu membri tal-Korp tal-Pulizija minħabba l-karozza, u kif ukoll il-badge fuq il-flokk tagħhom.

12:03 – Il-Pulizija tal-RIU Glenn Vella ikkonferma, wara li ġie muri żewġ ritratti, li kien hu li ħa dawn ir-ritratti tal-kundizzjoni tiegħu stess, partikolarment ta’ idu.

12:01 – Wara li użaw t-tazer, huma marru fuqu flimkien ma’ PC 606 iżda Bojan Cmelik prova jaħrab u jagħti bil-ponn – u għal darb’oħra baqgħu jinsistu biex jerġgħu jarrestawh għat-tieni darba. Madanakollu, Bojan Cmelik baqa’ b’saħħtu u baqa’ jipprova jagħti lill-Pulizija.

11:58 – Meta pruvaw iwaqqfuh u jkellmuh, iżda dan il-persuna li waqqfu beda jipprova jżomm is-sikkina minn taħt il-qmis ma’ qaddu u beda jersaq lejhom. Il-Pulzija Glenn Vella qal li minħabba n-natura tar-rapport, huma bdew jgħidulu li se jagħmlu użu mit-tazer bl-Ingliż. Hekk kif raw li l-persuna baqa’ ġej lejhom waqt li jżomm is-sikkina min ntaħt il-qmis ma’ qaddu, u f’dak il-ħin il-Pulizija li kien ma’ Glenn Vella uża t-tazer fuq dan ir-raġel. It-tazer ġie sparat waħda f’idu, u l-oħra ma jafx fejn laqtet stqarr il-Pulizija.

11:55 – L-uffiċjal tal-RIU Glenn Vella qal li huma lemħu raġel li jqbel mad-deskrizzjoni ta’ qmis blu skura u shorts ċar fi Triq Rudolfu f’Tas-Sliema – iżda hu inqabad hekk kif ħareġ minn triq sekondarja li tagħti għal Triq Sant’ Elena. Qal li hu flimkien ma’ PC 142 ħarġu mill-karozza u waqqfu lil raġel li kien bl-għaraq u li kien evidenti li kien għadu kemm ġej minn xi ħaġa ta’ strapazz.

11:53 – Il-Pulizija tla-RIU Glenn Vella qal li dakinhar li seħħ l-attakk fuq Hugo Chetcuti, għall-ħabta tal-10:30pm kienu qegħdin hu, flimkien ma’ PC 606, PC 142 – ġew infurmati mill-control room tal-Pulizija li f’Paceville quddiem Hugo’s Boutique Hotel seħħ attakk b’daqqiet ta’ sikkina. Dak il-ħin fuq il-post, Isaac Chetcuti li jiġi ħu Hugo Chetcuti ta deskrizzjoni tal-aggressur, u huma marru lejn id-direzzjoni ta’ Spinola.

11:52 – Jieħu post bħala xhud il-PC 877 Glenn Vella, li hu uffiċjal tal-RIU.

 

Xhieda tal-Pulizija Ivan Attard:

11:49 – B’hekk s’issa l-Maġistrat Marseann Farrugia semgħet ix-xhieda tat-tabib li eżamina lil dawk feruti fil-lejl li sar l-attakk fuq Hugo Chetcuti, u anke l-verżjoni ta’ żewġ Pulizija fl-għassa ta’ Ta’ San Ġiljan.

11:47 – Eżaminat mill-prosekuzzjoni, mill-Ispettur Trevor Micallef, il-PS 156 Ivan Attard qal li Bojan Cmelik ingħata d-drittijiet u ġie mistoqsi dejjem bl-Ingliż.

11:46 – Il-Pulizija Ivan Attard identifika l-persuna li kien qiegħed jiġri warajh max-xatt ta’ Tas-Sliema hawnhekk fl-awla li hu mressaq bħala akkużat, Bojan Cmelik.

11:44 – Fix-xhieda tiegħu, il-Pulizija Ivan Attard qal li fit-tfittxija fuq il-persuna ta’ Bojan Cmelik – fejn instabet sikkina f’holster ma’ qaddu. Minn hemm Bojan Cmelik ittieħed l-għassa ta’ San Ġiljan – fejn sabulu żewġt iċwievet flimkien ma’ keychain. Fl-għassa, Bojan Cmelik reġa’ ingħata d-drittijiet tiegħu, u l-allegat aggressur qal li mhux se jirrispondi għal domandi mill-Pulizija.

11:40 – Il-Pulizija Ivan Attard xehed li huma rħewla lejn ix-xatt ta’ Tas-Sliema fuq il-blat, fejn raw il-persuna jiġri. Stqarr, li hu niżel jiġri warajh u baqgħu jiġru sal-blat fejn imbagħad reġa’ tela’ max-xatt ta’ Tas-Sliema. Il-Pulizija qal li hu baqa’ jiġri warajh filwaqt li jgħidlu biex jieqaf u li hu kien Pulizija. Iżda Bojan Cmelik baqa’ jiġri u wara ma rahx aktar. Wara, il-Pulzija qal li huma ltaqgħu biex jiftehmu kif se jkomplu bit-tfittxija, iżda irċivew komunikazzjoni mingħand l-RIU li arrestaw persuna li taqbel mad-deskrizzjoni fi Triq Sant’ Elena. Il-Pulizija Ivan Attard qal li hu għaraf li kien l-istess persuna li kien qed jiġri warajh ftit qabel.

11:38 – Il-Pulizija qal li Isaac Chetcuti spjega li kien qiegħed ma’ ħuħ ma’ mejda bejn it-taraġ ta’ Santa Rita u triq San Ġorġ. F’daqqa u l-ħin, ħuħ ġie avviċinat minn raġel u sofra d-daqqiet ta’ sikkina. Il-Pulizija qal li hu ġie infurmat minn Isaac Chetcuti li kienu qegħdin jiftħu l-post ġdid ta’ Seafood bar tad-ditta Hugo’s meta seħħ dan il-każ. Il-verzjoni li ta l-Pulizija Ivan Attard fil-Qorti jaqbel mal-Pulizija ta’ qablu li ta x-xhieda tiegħu Sean Axiaq fejn spjegaw li Isaac Chetcuti ta d-deskrizzjoni tal-aggressur u li mar jiġri biex jaqbdu iżda għalxejn.

11:36 – Il-Pulizija Ivan Attard qal li fis-6 ta’ Lulju hu kien xogħol ta’ bil-lejl, mit-8pm sal-5am fl-għassa ta’ San Ġiljan. Qal li dakinhar għall-ħabta tal-10.30pm jew l-10.45pm irċevew telefonata fl-għassa ta’ San Ġiljan fejn ġew infurmati li kien hemm persuna li qalet daqqtejn ta’ sikkina. Hu flimkien mas-Surġent Sean Axiaq PC 1507, u PC 1097 marru mal-ewwel fuq il-post fejn Hugo’s Boutique Hotel u ġew avviċinati minn ħu Hugo Chetcuti, Isaac Chetcuti.

11:33 – Tela’ jixhed ukoll xhud ieħor, PS 156 Ivan Attard, li wkoll se juża s-servizzi ta’ interpretu mill-lingwa Maltija għall-Ingliż. Dan hekk kif il-każ qed jinstema’ bl-Ingliż.

 

Xhieda tal-Pulziija Sean Axiaq:

11:32 – L-avukat difensur Ishmael Psaila talab biex minbarra li jiġi eżibit fil-Qorti r-rapport li għamel dakinhar, jiġu eżebiti wkoll in-noti li uża l-Pulizija Sean Axiaq biex jiftakar l-verżjoni tiegħu ta’ kif seħħew l-affarijiet dakinhar tal-każ.

11:30 – L-avukat difensur tal-legal aid, Ishmael Psaila staqsa kemm ilhom ma jitkellmu l-aħwa. Il-Pulizija Sean Axiaq qal li dawn ilhom ma jitkellmu għal xi sitta jew seba’ xhur. Il-Pulizija żied fix-xhieda tiegħu li Adam Milic qal li ħuh kien jaħdem mal-kumpanija ta’ Hugo Chetcuti.

11:28 – Mistqosi mill-avukat Joe Gigilio, il-Pulizija Sean Axiaq qal li Adam Milic, ħu Bojan Cmelik, qal lill-Pulizija li ħuh ma kienx qiegħed f’qagħda tajba u ma staqsihx għalfejn ma kienux qed jitkellmu.

11:26 – Il-Pulizija Sean Axiaq qal li mar l-appartament ma’ ħu Bojan Cmelik, fejn ġabru l-kartiera, l-karta tal-identita’ u l-mobile. Wara, il-Pulizija li qed jixhed qal li għadda l-informazzjoni kollha lill-Ispettur Nikolai Sant.

11:25 – L-għada huma marru f’kafetterija max-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn aktarx kien hemm ħu Bojan Cmelik, Adam Milic, li kien jaħdem hemm. Adam Milix tkellem mal-Pulizija qal li għal dawn l-aħħar sitt xhur ħuh, jiġifieri l-akkużat Bojan Cmelik, ma kienx tas-soltu. Filfatt qal li kull meta kienu jiltaqgħu fil-living room tal-appartament li jgħixu fih flimkien, Bojan Cmelik kien imur jinqafel ġo kamartu u ma jkellimx lil ħuh.

11:24 – Il-Pulizija Sean Axiaq qal li James Farrugia niżel isejjaħ taxi ħdejn it-taraġ ta’ Paceville li ħadet lil Hugo Chetcuti l-emerġenza fl-isptar.

11:21 – Hu tkellem ma’ James Farrugia, li qal li jiġi security personali ta’ Hugo Chetcuti li ta l-istess deskrizzjoni ta’ Isaac Chetcuti, ħu Hugo. Qal li għal xi l-22:15, oħt Hugo Chetcuti riedet tinżel fl-istabbiliment viċin Baccos, u James Farrugia niżel magħha biex jara li kollox sew mal-uffiċjali tas-sigurta’ privati. Qal li s-securities qalulu li Hugo Chetcuti sofra xi daqqiet ta’ sikkina, u telaq jiġri fuq il-post. Hekk kif ra lil Hugo Chetcuti bil-feriti, hu beda juża t-tissues u jżommlu l-ferita.

11:19 – Dak il-ħin Bojan Cmelik aċċetta li jagħti kampjun tal-awrina, u ttieħed il-lock up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana. Wara l-Pulizija Sean Axiaq qal li hu mar lura l-għassa ta’ San Ġiljan, fejn esperti forensiċi ħadu magħom mill-għassa l-ħwejjeġ u l-arma issuspettata li ntużat fl-attakk fuq Hugo Chetcuti.

11:18 – Hu rrisponda għad-domandi ta’ ismu u fejn joqgħod bl-Ingliż u l-Pulizija qal li hu stess tkellem miegħu bl-Ingliż ukoll. Madanakollu Bojan Cmelik qal li mhux se jitkellem aktar, u se jitkellem fil-Qorti.

11:17 – Fit-tfittxija fuq il-persuna, ħass taħt il-qmis ma’ qaddu xi ħaġa iebsa. Hekk kif għollewlu l-flokk instab li kellu sikkina b’holster tagħha. Dak il-ħin il-Pulizija ħadu l-arma, u tawh id-drittijiet. Mal-arrest hu ta ismu u qal li joqgħod fil-istess triq Sant’ Elena f’Tas-Sliema.

11:16 – Il-Pulizija Sean Axiaq qal li l-Pulizija infirxu jfittxuh iżda tilfuh wara l-binja tal-Lombard Bank. Dak il-ħin huma tkellmu kif se jqassmu t-tfittxija madwar it-toroq f’Tas-Sliema. Madanakollu, irċivew informazzjoni li tal-RIU qabdu lill-aggressur fi Triq Sant’ Elena f’Tas-Sliema. Hu ra lill-aggressur immanettjat u saret tfittxija.

11:15 – Fuq ix-xatt ta’ Tas-Sliema, ħdejn it-taraġ ta’ Surfside, minn hemm ra persuna liebes eżatt kif ġie deskritt minn ħu Hugo Chetcuti – dan kien qiegħed ma’ grupp ta’ nies li kienu qegħdin jagħmlu BBQ fuq il-blat. Iżda dak il-ħin dan ir-raġel telaq jiġri – u żewġ Pulizija marru jiġru warajh.

11:13 – Waqt li kienu qegħdin isuqu fil-ġenb tal-knisja tal-Balluta, ħdejn il-bar Snoopies – kien hemm numru ta’ uffiċjali tal-RIU. Jidher li l-uffiċjali tal-RIU kważi qabdu lill-aggressur fuq il-blat max-xatt tal-bajja tal-Balluta iżda dan ħarbilhom.

11: 10 – Qal li persuna Isaac Chetcuti, li jiġi ħu Hugo Chetcuti, qal li ħuh qala daqqiet ta’ sikkina u ħadhom fuq il-post fejn seħħ l-attakk. Isaac Chetcuti qal li l-aggressur kein għadu ma nqabadx u ta deskrizzjoni tal-aggressur – liebes qmis blu skura, shorts ta’ kulur ċar, u kappell kbir isfar. Isaac Chetcuti ġera warajh sa Bobby’s Tattoo fi Triq San Ġorġ – u reġa’ mar lura biex jara ħuh kif inhu.

11:08 – Il-Pulizija Sean Axiaq spjega li hu kien qed jaħdem ta’ bil-lejl. Qal li l-għassa ta’ San Ġiljan irċievew telefonata għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija li kien hemm persuna li sofriet numru ta’ daqqiet bis-sikkina. Qalulhom li l-każ seħħ ħdejn Hugo’s Boutique Hotel. Qal li mal-ewwel marru fuq il-post marru bil-karozza tliet Pulizija PS 156, PC1507, u PC 1097.

11:05 – Jixhed ukoll il-Pulizija tal-għassa ta’ San Ġiljan Sean Axiaq, u minħabba li l-kaz qed jinstema’ bl-Ingliż, talab interpretu biex jagħmel traduzzjoni tax-xhieda mill-lingwa Maltija għall-Ingliż.

 

Xhieda tat-tabib Dr Robert Patiniott:

11:01 – L-ewwel xhud hu t-tabib Dr Robert Patiniott dwar il-kundizzjoni tas-saħħa. Hu xehed li fis-7 ta’ Lulju l-Pulizjia ġabu lil Bojan Cmelik fejn kellu żewġ feriti żgħar wara widnejh, u kif ukoll inħaslulu għajnejh minħabba li beda jilmenta bihom. Wara t-tabib eżaminat wkoll lil uffiċjali Glenn Vella li kellu ferita ħafifa fuq il-minkeb tal-lemin, Joseph Camilleri tliet girfiet mhux serji wkoll, u Joseph Ellul li kellu uġiegħ f’imnieħru – iżda lanqas dan ma’ kellu demm. Dawn ġew medikati għall-ħabta tal-1.30am ta’ filgħodu.

 

Bidla fl-atti tal-akkużi – wieħed ta’ omiċidju volontarju:

10:59 – L-akkuża ġdida miġjuba kontra Bojan Cmelik hi dik ta’ omiċidju volontarju.

10:54 – L-akkużat ġie eżaminat fejn stqarr li ismu hu Bojan Cmelik, għandu  25 sena, twieled fis-Serbja, u ilu joqgħod hawn Malta għal dawn l-aħħar snin iżda m’għandux residenza fissa. Stqarr li ma kienx jaħdem qabel seħħ l-inċident, pero kien jagħmel xogħol bħal tibjid u xogħol ta’ dak it-tip meta mqabbad. Hu ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.

10:53 – Dan ifisser li l-akkużat irid jerġa’ jirrispondi jekk hux ħati jew le għal dawn l-akkużi ġodda ta’ qtil imressqa.

10:52 – L-avukati difensur Ishmael Psaila ikkonferma r-riċevuta tal-akkużi, dan filwaqt li l-Ispettur Trevor Micallef ħa l-ġurament hekk kif qed iressaq dawn l-akkużi ġodda għan-nom tal-prosekuzzjoni.

10:49 – Il-prosekuzzjoni talbet lill-Maġistrat sabiex jingħataw il-permess li jbiddlu l-att ta’ akkużi oriġinarjament imressqa fil-konfront ta’ Bojan Cmelik, għal waħda ġdida. L-Ispettur Trevor Micallef preżenta l-akkużi ġodda kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż.

10:46 – Mal-ewwel, hekk kif l-akkużat Serb ingħata l-permess mill-Maġistrat biex ipoġġi fuq il-bank tal-akkużati fl-awla – il-Maġistrat Marseann Farrugia staqsiet jekk l-akkużat jifhimx bl-Ingliż, u dan minn naħa tiegħu irrisponda fil-pożittiv. Kien hawnhekk fejn il-Maġistrat infurmat lill-akkużat Bojan Cmelik li jekk f’xi ħin waqt is-smiegħ tal-kumpilazzjoni tal-evidenza ma jifhimx dak li jkun qed iseħħ minħabba traduzzjoni – għandu d-dritt li jistaqsi għall-kjarifika mal-avukat jew l-Maġistrat.

10:42 – Hekk kif issejjaħ il-każ, daħal l-akkużat Bojan Cmelik eskortat minn sitt uffiċjali tal-ħabs f’Kordin. Dan flimkien ma’ numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija fl-awla. L-akkużat Serb, jinsab bil-wieqfa quddiem il-Maġistrat liebes ġakketta protettiva.

 

L-ambjent qabel beda jinstema’ l-każ:

10:36 – L-awla tinsab mimlija ġurnalisti lesti biex jirrappurtaw il-każ, dan filwaqt li hemm numru ta’ nies miġbura barra l-awla. S’issa l-każ għadu ma ssejjaħx biex jidher.

10:31 – Bħala avukat parte civile għall-iben Hugo Chetcuti, Luke Chetcuti, qed jidhru l-avukati Joe Giglio u Sarah Mifsud. F’isem il-prosekuzzjoni dehru l-Ispettur Trevor Micallef. Minn naħa l-oħra, f’isem is-Serb Bojan Cmelik, se jidher l-avukat difensur provdut mill-legal aid Ishmael Psaila.

10:12 – Barra l-awla tal-Maġistrat Marseann Farrugia, diġá bdew jinġabru uffiċjali tal-ħabs li eskortaw lill-akkużat lejn il-Qorti. Dan filwaqt li hemm numru ta’ uffiċjali oħra li kienu qegħdin jassu l-entratura ta’ wara tal-Qorti minfejn iddaħħal Bojan Cmelik eskortat mill-Pulizija.

09:45 – Għall-ħabta tal-10:30, fil-Qorti mistenni jitressaq Bojan Cmelik, fejn kontrih se tibda titressaq l-evidenza mill-prosekuzzjoni.

 

Aktar aħbarijiet relatati:

Il-funeral ta’ Hugo Chetcuti se jsir il-Ħamis li ġej