Il-kowċ il-ġdid ta’ Chelsea Maurizio Sarri qal li jittama li Chelsea jżommu l-aqwa plejers tagħhom dan is-sajf fil-preżentazzjoni uffiċjali bħala manager ta’ Chelsea. Iżda t-Taljan żied li qed jara x-xogħol tiegħu li jiżviluppa l-plejers u li mhux se jkun involut ħafna fis-suq tat-trasferimenti.
Chelsea rebħu l-Premier League żewġ staġuni ilu taħt Antonio Conte, iżda setgħu biss jispiċċaw fil-ħames post l-istaġun li għadda, bi plejers bħal Eden Hazard, N’Golo Kante, Thibaut Courtois u Willian kollha qed jissemmew li jistgħu jħallu lit-tim dan is-sajf.
“Irridu dejjem inżommu l-aqwa plejers tagħna. Dak hu li kull manager u kull klabb irid jagħmel. Naħseb jien wieħed mill-ftit li niddejjaq bis-suq tat-trasferimenti. Mhux interessat fih, u naħseb li x-xogħol tagħna bħala kowċis hu li nkabbru l-plejers li għandna.
In-nuqqas ta’ Chelsea li jikkwalifikaw għaċ-Champions League mhux se tgħin il-kawża ta’ Sarri, iżda hu jinsab ottimist li bil-metodi tiegħu jista’ jikkonvinċi lil Hazard u Courtois biex jibqgħu mal-klabb.
“Il-plejers huma ta’ kwalità kbira u nixtieq li nżommhom fl-iskwadra. Telefonata mingħajr ma nħares lejhom mhux se ttini ċertezza. Irrid niltaqa’ magħhom b’ċertezza wiċċ imb wiċċ u nitkellem magħhom,” żied Maurizio Sarri.
//= $special ?>