Sport Waterpolo

Prestazzjoni aħjar mit-tim Malti kontra s-saħħa tal-Montenegro

Stevie Camilleri fi dwell ma' Mladan Janovic

MALTA…………………5

MONTENEGRO……..17

(1-4), (0-7), (2-4), (2-2)

It-tim nazzjonali Malti sofra t-tieni telfa minn żewġ logħbiet fi Grupp B tal-Kampjonat Ewropew b’telfa ta’ 17-5 kontra s-saħħa tal-Montenegro. Prestazzjoni sodisfaċenti għat-tim Malti li wara bidu negattiv beda jilgħab aktar il-ballun.

B’hekk it-tim Malti tilef b’distakk anqas wara li t-telfa b’distakk ta’ 17-il gowl kontra Spanja. L-għan ta’ din il-logħba kien li t-tim Malti jillimita l-ħsara li tim tal-kwalità tal-Montenegro jista’ jagħmel, u sa ċertu l-plejers Maltin irnexxielhom jagħmlu dan minħabba li ma ġewx umiljati.

Issa li għaddew żewġ partiti kontra fost l-aħjar timijiet, it-tim Malti se jħares li jkollu prestazzjonijiet aħjar u jnaqqas id-distakk minn mal-avversarji, bit-tama li l-plejers Maltin itemmu din l-edizzjoni fuq nota pożittiva.

Bidu negattiv għat-tim Malti li sal-ewwel żewġ minuti u nofs kien jinsab 3-0 minn taħt. Matthew Zammit naqqas id-distakk bi ġmiel ta’ backhand, iżda Mladan Janovic għamilhom 4-1 minn man-up.

Il-Montenegro aċċertat mir-rebħa fit-tieni sessjoni, b’seba’ gowls mingħajr risposta fejn fosthom skorjaw doppjetta Aleksandar Ivovic u Duro Radovic. F’din is-sessjoni, it-tim Malti tilef żewġ okkażjonijiet ta’ raġel aktar.

Id-distakk kompla jikber għat-tim ta’ Vladimir Gojkovic b’gowl ieħor ta’ Radovic, backhand mill-isbaħ ta’ Vladan Spaic u gowl ta’ Mladan Janovic minn pożizzjoni ċentrali. It-tim Malti rnexxielu jiskorja l-ewwel man-up f’azzjoni veloċi permezz ta’ Matthew Zammit. Ivovic skorja t-tielet gowl personali, biż-żagħżugħ Ben Plumpton jiskorja t-tielet gowl Malti f’kontrattakk tajjeb u b’xutt għar-rokna.

Drasko Brguljan u Sasa Misic għamlu l-iskor 17-3 wara ftit aktar mill-ftuħ tat-tieni sessjoni. Aurelien Cousin naqqas id-distakk b’madwar minuta mit-tmiem f’azzjoni tajba, biex Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl personali eżatt lejn it-tmiem minn angolu ristrett.

It-tim Malti jilgħab it-tielet logħba l-Ġimgħa kontra Franza fis-6.30pm.