Futbol Sport

Ylenia Carabott tingħaqad ma’ Birkirkara

Ylenia Carabott flimkien mal-President Frank Zarb

Birkirkara rnexxielhom jagħmlu wieħed mill-akbar akkwisti fil-futbol tan-nisa meta akkwistaw lil Ylenia Carabott mingħand Hibernians b’self sal-aħħar tal-istaġun.

Carabott żgur ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni, hekk kif rebħet l-aqwa skorer disa’ darbiet, tmienja b’mod konsekuttiv bejn l-2009 u l-2017, u hu kkunsidrata fost l-aqwa attakkanti li l-futbol tan-nisa f’pajjiżna qatt kellu. Hi skorjat 334 gowl minn 257 logħba.

Ylenia Carabott hi membru integrali tat-tim nazzjonali, u minn meta għamlet id-debutt fl-2005, skorjat 19-il gowl fi 73 logħba. Hi tista’ tilgħab f’kull pożizzjoni fl-attakk u għalhekk l-Istripes se jkunu aktar b’saħħithom illum. Dan hu t-tieni akkwist ta’ Birkirkara wara l-akkwist ta’ Kailey Willis.

Carabott mistennija tagħmel id-debutt tagħha ma’ Birkirkara fi Grupp 6 tal-UEFA Champions League tan-Nisa li se jintlagħab bejn is-6 u t-13 ta’ Awwissu fl-Ukrajna. Birkirkara tinsab fil-grupp flimkien ma’ Olimpia Cluj tar-Rumanija, WFC Khakhiv tal-Ukrajna u Cardiff Met ta’ Wales.