Ewropa Kummerċ Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech jinħatar rapporteur dwar ir-regolamentazzjoni li tipproteġi n-negozji żgħar li jużaw pjattaformi onlajn

Ir-regolamentazzjoni se tgħin lill-klijenti jidentifikaw l-aħjar deals onlajn

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech inħatar bħala Rapporteur fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar regoli proposti li jipromwovu l-bilanċ u t-trasparenza għan-negozjanti li jużaw is-servizzi onlajn. Ir-regolament propost għandu l-għan li jissalvagwardja ambjent kummerċjali ġust, trasparenti u ta’ fiduċja għal negozji u negozjanti żgħar meta dawn jużaw pjattaformi onlajn u search engines.

Il-pjattaformi u s-search engines huma kruċjali għan-negozji ż-żgħar biex iżidu l-viżibilità tagħhom mal-konsumaturi. Negozji bħal lukandi, kummerċjanti li jbigħu fuq l-internet, żviluppaturi tal-apps u kumpaniji simili oħra li jiddependu fuq search engines biex jattiraw it-traffiku tal-internet għall-websajts tagħhom huma fost dawk li se jibbenefikaw mir-regoli l-ġodda. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi se jkollhom iċ-ċans li jagħżlu l-aħjar għażla li qed ifittxu, inkluż għażla li tirrifletti l-baġit tagħhom.

Fir-reazzjoni għall-ħatra tiegħu, Zammit Dimech qal “Għandna bżonn ċertezza legali għal ambjent tan-negozju sostenibbli fuq l-internet. Ir-regoli mhumiex maħsuba biss biex jgħinu lin-negozji ż-żgħar. Fl-aħħarnett il-konsumaturi Ewropej se jibbenefikaw ukoll peress li se jkunu jistgħu jfittxu u jidentifikaw l-aħjar valur.”

Billi n-negozji ż-żgħar jiddependu fuq pjattaformi u search engines online biex jilħqu lill-klijenti tagħhom, hu kritiku li biex jiġi żgurat li ma ssir l-ebda ħsara lin-negozji, ikun assigurat li l-pjattaformi u s-search engines jittrattaw negozji oħra b’mod ġust u li m’hemm l-ebda abbuż ta’ poter. Fil-fatt ir-regolament jirrakkomanda aktar trasparenza li titlob pjattaformi onlajn u search engines biex jistabbilixxu l-kriterji ġenerali li jiddeterminaw kif l-oġġetti u s-servizzi huma kklassifikati fir-riżultati tat-tfittxija. Ir-regolament jimmira wkoll li jagħti mekkaniżmi ta’ rimedju għal negozji żgħar u li jsolvi t-tilwim b’mod aktar effettiv permezz ta’ sistemi interni u riżoluzzjoni barra l-qorti permezz ta’ medjaturi indipendenti u kwalifikati. Se jiġi stabbilit ukoll EU Observatory biex jissorvelja l-isfidi l-ġodda, l-opportunitajiet u l-impatt tar-regoli l-ġodda u jivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri fi żmien tliet snin.

Matul il-ġimgħat li ġejjin Zammit Dimech se jiltaqa’ ma’ bosta partijiet interessati fi Brussell u f’Malta inklużi rappreżentanti tas-settur tal-ivvjaġġar onlajn (bħal Booking.com, edreams, Skyscanner u Tripadvisor); l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Internet; EDiMA (l-assoċjazzjoni tal-kummerċ li tirrappreżenta pjattaformi onlajn u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi oħra); l-Alleanza tal-Iżviluppaturi (il-vuċi tal-industrija tas-software); GSMA (tirrappreżenta l-interessi tal-operaturi tal-mowbajls mad-dinja kollha) u ETNO (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Operaturi tan-Netwerk tat-Telekomunikazzjonijiet). Zammit Dimech se jorganizza wkoll laqgħa għall-partijiet interessati Maltin fit-3 ta’ Settembru fl-10:00 am Dar l-Ewropa, Valletta. Dawk interessati jistgħu jikkonfermaw l-attendenza tagħhom billi jibagħtu email fuq info@franciszammitdimech.eu jew billi jċemplu fuq 27112002.