Bħal ma għamlu Gżira fir-rawnd preċedenti, Balzan se jippruvaw jiktbu paġna ġdida fl-istorja tal-klabb tagħhom hekk kif se jippruvaw jgħaddu rawnd fil-kompetizzjonijiet Ewropej għall-ewwel darba.
Ġimgħa ilu fis-Centenary Stadium, Balzan rebħu 4-1 kontra Kesla tal-Ażerbajġan, b’gowls minn Alfred Effiong, Alex da Paixao Alves, Bojan Kaljevic u Cadu, f’partita li fiha urew li jistgħu jikkwalifikaw.
B’dan ir-riżultat, Balzan jibdew favoriti li jikkwalifikaw, iżda l-kowċ Marco Micovic irid iżomm lit-tim konċentrat biex il-vantaġġ tajjeb li għandhom ma jitilfuhx, għaliex gowl bikri barra minn darhom jista’ jibdel l-andament tal-logħba.
Din mhux se tkun l-ewwel darba għal Balzan li se jilagħbu fl-Ażerbajġan, wara li żewġ staġuni ilu lagħbu kontra Neftci Baku fejn kienu tilfu 2-0 f’pajjiżna, iżda f’Baku kienu rebħu 2-1 u għal ftit ma kkwalifikawx, logħba li fissret l-ewwel rebħa ta’ Balzan fl-Ewropa.
Il-partita tal-lum tibda fis-7.00pm ħin ta’ Malta, bil-logħba tintlagħab fid-Dalga Arena f’Baku.
//= $special ?>