“Dan se jkun test iebes għal Gżira imma se nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna.” Dan qalu l-kowċ ta’ Gżira United Darren Abdilla waqt il-konferenza stampa li saret lejliet il-logħba li Gżira United għandhom illum kontra FK Radnicki mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League.
Gżira United tilfu barra minn darhom 4-0 u għalhekk hu kważi ċert li għandu jkun it-tim Serb li jgħaddi għar-rawnd li jmiss. Madanakollu Abdilla qal li din l-esperjenza serviet ta’ sors ta’ tagħlim għall-plejers ta’ Gżira United. Kienu jafu li ser ikunu qed jaffaċjaw tim b’livell ta’ futbol aħjar minn tagħhom.
Abdilla faħħar lit-tim ta’ Radnicki u ddeskrivih bħala tim organizzat, bi plejers ta’ livell għoli u kienu l-aħjar tim fil-ġurnata u għalhekk kien jimmeritahom li jgħaddu.
Abdilla kompla jgħid li fl-ewwel leg, Gżira wettqu żbalji individwali li komplew żiedu mat-telfa kbira. Huwa kkonferma li ser ikun hemm tibdiliet fil-formazzjoni inizjali tal-logħba tal-lum u għalkemm ma ried jiżvela xejn dwar dawn it-tibdiliet, nafu li l-probabbiltà hi li jibda Andrew Cohen li ma kienx disponibbli għall-ewwel leg.
Abdilla saħaq li anke l-fatt li kellhom jilagħbu f’ambjent ostili quddiem folla numeruża mimlija b’partitarji tat-tim Serb kompliet għamlet l-avventura ta’ Gżira aktar diffiċli.
Huwa sostna li l-ammont ta’ partitarji komplew jikkondizzjonaw il-logħba, anke fid-dawl tal-fatt li f’pajjiżna ma jintlagħbux dawn it-tip ta’ logħbiet.
Fatt interessanti hu li jekk Roderick Briffa jilgħab fil-logħba tal-lum isir l-aktar plejer Malti li lagħab f’kompetizzjonijiet Ewropej. Bħalissa Briffa jinsab jaqsam l-ewwel post ma’ Gilbert Agius b’40 logħba.
Intant sussegwentement indirizza l-konferenza stampa l-assistent kowċ tat-tim ta’ FK Radnicki li spjega kif hemm diversi elementi li ser ikunu qed jagħmlu din il-logħba tal-lum bħala waħda diffiċli għat-tim.
Sostna li l-plejers mhumiex imdorrija jilagħbu f’dawn it-temperaturi għoljin u umdi li wieħed isib f’dan iż-żmien f’pajjiżna. Barra minn hekk qal li wieħed ma jsibx pitches ta’ dan it-tip fis-Serbja u allura dan għandu jkompli jagħmel il-logħba ferm differenti minn dik fis-Serbja.
//= $special ?>