Lokali

FILMAT: Edward Scicluna jibqa’ jisfida u jinsisti li mhux se jerfa’ responsabbiltà politika

Imdawwar mill-uffiċjali tal-Gvern u tas-sigurtà, Edward Scicluna jaħrab mill-kameras ta' NET News f'turija ċara li mhux se jerfa' r-responsabbiltà politika

Minkejja rapport mill-aktar xokkanti maħruġ mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-FIAU u l-mod kif investigat il-każ ta’ Pilatus Bank, il-Ministru Edward Scicluna baqa’ jisfida l-konklużjonijiet tar-rapport.

Wara jiem infittxu lill-Ministru tal-Finanzi, ġaladarba hu responsabbli mill-qasam finanzjarju, NET News sab lill-Ministru Scicluna f’attività tal-Gvern li saret fil-bini tal-Malta Stock Exchange.

Imdawwar minn numru kbir ta’ ġurnalisti, il-Ministru Edward Scicluna kien mistoqsi dwar ir-rapport tal-EBA – li kkundanna lill-FIAU meta qal li fi ħdan din l-aġenzija hemm nuqqasijiet serji, kbar u sistematiċi.

F’konferma li Edward Scicluna se jibqa’ jisfida l-konklużjonijiet tar-rapport Ewropew, hu qal: “Din mhix kwistjoni li tfarfar fuq ħaddieħor. L-FIAU se jieħdu (r-rapport) in kunsiderazzjoni u l-ewwel trid tistenna r-risposta tagħhom”.

Malli ġurnalisti mill-media indipendenti staqsew lill-Ministru Edward Scicluna kif jista’ jemmen lill-FIAU ġaladarba din diġà rreaġixxiet b’mod li mhuwiex normali, il-Ministru Edward Scicluna fetaħ il-kanuni fuq il-ġurnalisti meta f’risposta qalilhom: “Jidher li ma qrajtux ir-rapport”.

Imma r-rapport tal-EBA jitkellem waħdu – u fil-konklużjoni tiegħu jgħid li hemm nuqqasijiet serji u sistematiċi mhux biss fil-mod ta’ kif saret l-investigazzjoni dwar Pilatus Bank, iżda nuqqasijiet li huma mifruxa b’mod aktar wiegħsa minn hekk.

Din il-konklużjoni xokkanti minn waħda mill-iktar awtoritajiet serji fuq livell Ewropew, ma waqqfitx lil Edward Scicluna milli jinfexx f’eloġju u tiħir fil-konfront tal-FIAU. “Jiena niddefendi lill-FIAU, li jien nemmen fiha u li fi żmieni rajtha tikber”, qal Edward Scicluna.

Meta mistoqsi minn NET News kif jista’ jkun li fuq naħa jiddefendi lill-FIAU u jiftaħar b’rixha meta tiġi tajba, u fuq in-naħa l-oħra ma jerfax ir-responsabbiltà politika meta tiġi ħażina, Edward Scicluna ħareġ ‘il barra mill-bini mdawwar bl-uffiċjali tiegħu qabel daħal fil-karozza u telaq minn fuq il-post.