Sport Waterpolo

FILMAT: Karl Izzo kuntent bil-prestazzjoni ta’ Malta kontra l-Montenegro

Il-ferħ tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo wara r-rebħa kontra l-Belarus (Ritratt: Martin Agius)

Wara t-telfa ta’ 17-5 kontra l-Montenegro, dan is-sit ħa l-kummenti tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo fejn esprima l-kuntentizza tiegħu għal mod kif it-tim Malti lagħab tul il-logħba. Wieħed ma jridx jinsa li l-avversarji huma ta’ klassi mondjali.

“Kuntent bil-prestazzjoni speċjalment fit-tielet u r-raba’ sessjoni. Il-plejers urew li meta jridu jistgħu jilagħbu wkoll, jiġifieri kellna żewġ sessjonijiet tajbin. Iddefendejna, attakkajna, lagħbna, jiġifieri ma bqajniex passivi. Naħseb jawgura tajjeb, nafu li aħna b’daqsxejn mentalment inkunu tajjeb.”

“Aħna qed nilagħbu kontra timijiet qawwija, il-Montenegro hu tim qawwi ħafna, imma aħna għalhekk ġejna hawnhekk, kif ngħid hawn hi esperjenza ta’ tagħlim u dejjem nippruvaw nitjiebu partita wara partita.”

“Illum nitħarrġu wara nofsinhar u filgħaxija, naħdmu fuq il-man-ups speċjalment, fejn aħna rajna li konna aħjar, nerġgħu nitħarrġu l-Ġimgħa filgħodu. Nisperaw li l-plejers ma jkunux għajjiena, biex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar tagħna u nġibu riżultat sodisfaċenti.”