Sport Sport Ieħor

Għada ssir l-20 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night

(Ritratt: Martin Agius)

Malta se tkun fost sitt pajjiżi li se jkunu qed jipparteċipaw fl-20 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night li se ssir il-Ġimgħa filgħaxija mit-8.00pm ‘l quddiem fil-Padiljun ta’ Kordin. F’konferenza stampa lejliet dan l-avveniment, l-organizzatur Noel Mercieca kkonferma li b’kollox se jkun hemm 17-il ġlieda fosthom żewġ ċintorini tal-World Kickboxing Network.

Christopher Rotin minn Ying Yang Team Noel, se jiġġieled għal Pro European Title kontra atleta mill-Greċja, u Shaun Falzon se jiġġieled għal Pro International Title kontra avversarju Slovakk.

Waqt l-istess serata, se jintrebaħ ukoll il-Gladiators Title Belt li għalih se jiġġieldu ċ-Champion Ewropew Keith Azzopardi minn Ying Yang – Team Noel u Milos Anic minn Team Jalen. Preżenti wkoll għal konferenza stampa kien hemm ir-rappreżentant tal-World Kickboxing Network Emil Irimia u l-organizzatur Niclas Elfstedt.

14-il atleta oħra minn erba’ klabbs f’Malta se jkunu qegħdin jipparteċipaw fi ġlidiet lokali u oħrajn internazzjonali, fosthom kontra atleti mill-Iżvezja, l-Italja u l-Belġju. Dan kollu se jkun qed isir il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju mit-8.00pm ‘l quddiem, fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Qabel il-bidu ta’ din il-konferenza, dawk preżenti osservaw mument ta’ silenzju b’rispett lejn il-President tal-Malta Kickboxing Association Isaac Chetcuti, hekk kif aktar kmieni ingħatat l-aħħar tislima lil ħuh Hugo, li kien jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti u dan l-isport.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn Team Noel – Ying Yang Club fil-Fgura jew Malta Thai Boxing fil-Gżira. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ Gladiators Promotions jew jagħmel kuntatt mal-organizzaturi Nicklas Elfstedt (79500160) u Noel Mercieca (79208283).