Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Diżappunt li l-mexxejja tal-EU ma waslux għal qbil dwar l-immigrazzjoni” – Adrian Delia

“Huwa ta’ diżappunt li matul l-aħħar summit Ewropew, il-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea baqgħu ma waslux għal qbil fuq il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni, u dan sabiex ikun wieħed mandatorju u ma jibqax volontarju”.

Qal dan ma’ NET News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, waqt żjara li għamel fl-Uffiċċju Ewropew tal-Ażil, l-EASO, li jinsab il-Furjana.

Adrian Delia kompla jgħid li l-immigrazzjoni irregolari titlob soluzzjonijet effiċjenti biex it-talbiet għall-ażil jiġu deċiżi malajr biex verament din l-isfida titqassam mal-Ewropa kollha. Dan ukoll sabiex jitħaffef il-proċess tal-applikazzjionijiet tal-persuni li jitolbu l-ażil.

Adrian Delia qal li l-oppożizzjoni tat l-appoġġ lill-Gvern sabiex jiġi mħares l-interess nazzjonali, u offrit li titkellem fl-Ewropa wkoll fl-aħjar interess ta’ Malta. Dan għaliex din l-isfida hija sfida tal-Unjoni Ewropea kollha u l-oppożizzjoni se tkompli tixpruna l-gvern biex jiġi mħares l-interess nazzjonali, għax in-nies qed jistennew it-trasparenza fl-immigrazzjoni.

Adrian Delia fakkar li l-EASO twaqqaf taħt Gvern Nazzjonalista u qal li dan l-uffiċċju għandu d-dmir li jgħin fejn hemm diffikultajiet marbutin ma’ deċiżjonijiet u pproċessar tat-talbiet tal-ażil.

Hu nsista li l-gvern għandu l-obbligu li jassigura li l-Unjoni Ewropea tħaddem l-għodda li diġa għandha disponibbli għall-immigrazzjoni rregolari. Dan għaliex fl-aħħar dikjarazzjoni dwar l-immigrazzjoni rregolari tal-Kunsill Ewropew, l-EASO ma ​ġietx imsemmija.

Jakkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista tul din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici.