Lokali Qorti

IL-FUNERAL TA’ HUGO: “Mhux xogħolna niġġudikaw”

Ira Losco u Ozzy Lino fost dawk li pparteċipaw fil-funeral ta' Hugo Chetcuti

“Bniedem maħbub. Ma kellu qatt jispiċċa hekk.” Kienu dawn il-kummenti ta’ uħud mill-impjegati u l-ħbieb ta’ Hugo Chetcuti illi dalgħodu nġabru biex jaghtu l-aħħar tislima lill-imprenditur Malti illi inqatel ftit tal-jiem ilu fit-tarag ta’ Paceville – il-post tad-divertiment li hu stess iddedika ħajtu kollha biex ikompli jiżviluppah bi stabbilimenti varji.

Fil-fatt kien minn Paceville fejn beda l-korteo funebri qabel il-funeral. Hawn, spikkat it-tislima tal-impjegati kollha illi jaħdmu ma’ Hugo Group fl-isfond tal-kanzunetta ‘My Way’ ta’ Frank Sinatra.

Minn Paceville il-korteo baqa’ sejjer lejn Raħal Gdid fejn fl-10am beda il-funeral. Preżenti kien hemm t-tifel tiegħu Luke, il-ġenituri ta’ Hugo, qraba, ħbieb u persuni oħra li għal snin twal ħadmu qrib tieghu.

 

Il-quddiesa tmexxiet mill-Kappillan ta’ Rahal Ġdid, il-Kanonku Mark Andre Camilleri, u kienet animata minn numru ta’ kantanti fosthom Ira Losco u Ozzy Lino. Ippartecipaw ukoll is-sorijiet tal-Ursolini.
Dun Camilleri fakkar illi Hugo kien missier, nannu, u ħabib. “Ma nġbarniex hawn biex nispekulaw, biex infakkru dak li wettaq tul ħajtu jew biex niġġudikaw għemilu. Filwaqt li kulħadd irid li ssir ġustizzja, nitolbu biex Hugo jingħaqad mal-Ħallieq.”

Fi tmiem il-funeral ittajjru numru ta’ ħamiem abjad, fost iċ-ċapċip spontanju ta’ dawk illi nġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja fejn kien hemm ukoll big screen armat.