Lokali Qorti

Il-ġisem ta’ DCG ma kienx jintgħaraf; konferma mid-DNA – espert forensiku

Ġisem il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia intgħaraf biss mit-test tad-DNA li sar.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-espert forensiku Mario Scerri hekk kif il-Ħamis filgħodu kompliet tinstema’ x-xhieda fil-kumpilazzjoni kontra t-tlett akkużati bil-qtil tal-vittma; Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘il-Fulu’, ħuh George magħruf bħala ‘ċ-Ċiniż’, u Vince Muscat, ‘il-Koħħu’.

F’din is-seduta dehru tmien xhieda, b’wieħed minnhom ikun Mario Scerri li qal dak li sab fil-post fejn seħħ il-qtil. Scerri qal li l-ġisem ma kienx jingħaraf u l-konferma tal-identità ħarġet biss wara t-test tad-DNA. Qal ukoll li diversi partijiet tal-ġisem tal-ġurnalista kienu mifruxa ma’ diversi nħawi qrib iż-żona tar-reat.

Mill-awtopsja li saret fl-20 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra ħareġ li l-kawża tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia kienet minn ġrieħi kawża tal-ħruq li l-ġisem sofra u minħabba l-isplużjoni tal-bomba li tqiegħdet ġol-karozza li kienet qed issuq. Intqal ukoll li fil-ġisem tal-ġurnalista kien hemm biċċiet tal-ħadid.

Xhieda oħra kienet ta’ diversi esperti oħrajn li ħadmu fuq dan id-delitt. Fost oħrajn kien hemm uffiċjal tan-National Security Information System Unit, Christopher Portelli li xehed li ċemplu diversi nies biex jirraportaw li semgħu splużjoni, filwaqt li s-suldat Joseph Bondin qal li fis-6 ta’ Diċembru marru St Joseph Farm House, il-Mosta fejn għamlu tfittxija iżda ma sabu xejn.

Il-kawża kienet ġiet deferita nhar it-Tlieta li għadda minħabba li l-ebda xhieda ma dehret quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Il-każ mistenni li jkompli fit-3 ta’ Settembru fid-9:30 ta’ filgħodu.

Ikkummenta