Internazzjonali

Is-subien Tajlandiżi jinħarġu mill-isptar

Il-grupp ta’ 12-il tifel u l-coach tal-football tagħhom li damu għaxart ijiem imblukkati f’għar, ilbieraħ dehru għall-ewwel darba fil-pubbliku. Dan hekk kif inħarġu mill-isptar biex jerġgħu jmorru lura d-dar. Huma qalu li għall-ewwel ma kienx hemm paniku fosthom meta sefgħu mblukkati fl-għar.

Dan għaliex ħasbu li l-ilma, aktar tard, kien se jonqos. Imbagħad meta dan ma seħħx, ippruvaw iħaffru ħofra biex joħorġu mill-għar ta’ Tham Luang. Intqal li meta sabuhom l-ewwel darba l-għaddasa Ingliżi, huma ma setgħux jemmnu dan. Is-subien kellhom kliem ta’ tifħir għall-coach tagħhom, Ekapol Chantawong, li tahom pariri kif ikampaw u biex jieħdu ħsieb l-enerġija tagħhom.

Intqal li waqt li kienu maqbudin fl-għar ma kellhom ebda ikel u għexu bl-ilma tax-xita li kien iċarċar tul il-ħitan. Chantawong qal li ma kienx minnu dak li kien irrapportat li t-tfal ma kinux jafu jgħumu. Kemm Chantawong kif ukoll il-bqija tas-subien taw ġieħ lil Saman Kunan, għaddas tal-Qawwa tal-Baħar Tajlandiża, li kien l-unika vittma waqt il-ħidma tas-salvataġġ.

L-uffiċjali Tajlandiżi qalu li din kienet se tkun l-unika okkażjoni meta l-grupp kien se jitkellem mal-midja u sar appell biex dawn jitħallew jgħixu ħajja normali.