Maria Tabone tibqa’ imfakkra bħala l-ispalla tal-eks Ministru u eks President tar-Repubblika Ċensu Tabone. Iżda forsi ftit jafu kemm fil-ħajja personali tagħha, Maria kienet mara tassew umli li appoġjat lil żewġha bla kundizzjoni.
Maria Tabone ħalliet din id-dinja illum. F’qalb bosta li kienu jafuha mill-qrib, tibqa’ l-memorja ta’ dik il-bniedma ġenwina, mara tal-familja, illi ħadmet bla daqq ta’ trombi.
Forsi ftit jafu illi Maria twieldet il-Belt fid-9 ta’ Frar tal-1920. Kif tirrakkonta hi stess, hi twieldet waqt li kien għaddej il-marċ ta’ San Pawl.
Iż-żgħożija tagħha kienet immarkata bit-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-fatt, hi iżżewġet lil Ċensu Tabone fil-bidu tas-snin 40.
F’diversi intervisti li sarulha, tirrakkonta li l-libsa tat-tieġ ħititha hi stess. U anke il-ħelu tat-tieġ għamlitu hi, flimkien ma ommha – għajr għall-kejk tat-tieġ! Maria u Ċensu (ara r-ritratt ta’ fuq) iżżewġu f’Għawdex fl-eqqel tal-Gwerra, meta l-poplu kien maħkum minn faqar kbir.
L-aneddoti marbuta mal-ħajja ta’ Maria Tabone huma bosta. Per eżempju, ftit jafu li hi kull sena kienet issajjar u tipprepara ikla għal-Little Sisters of the Poor. Kienet issajjar għal xejn anqas minn 400 persuna.
Maria Tabone kienet ukoll iddoqq il-pjanu, u fil-familja kienet magħrufa għaċ-ċajt tagħha, bit-tbissima dejjem fuq xoftejha.
(Ritratti: Librerija Informa)
//= $special ?>