Internazzjonali

Tegħreq lanċa mimlija immigranti barra l-kosta Ċiprijotta

Tal-anqas 19-il persuna tilfu ħajjithom meta lanċa b’150 immigrant abbord għerqet barra l-kosta fit-Tramuntana ta’ Ċipru. Imma l-vittmi kienu mistennija jiżdiedu hekk kif kien hemm 25 immigrant li kienu abbord li ma nstabux u kienet qed issir tfittxija għalihom.

It-traġedja seħħet madwar 30 kilometru mill-kosta Ċiprijotta. Wara l-ftehim li kien sar bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea, il-vjaġġi bil-baħar fl-inħawi naqsu sew. Minn Jannar sa Mejju ta’ din is-sena huma tal-anqas 26 l-immigranti li tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ bil-baħar mit-Turkija lejn l-Ewropa.

Sadattant, Spanja tat permess lil vapur umanitarju li qed iġorr żewġ katavri ta’ immigranti u ieħor li salva biex jittrakka fil-port ta’ Palma de Mallorca. Dan wara li l-vapur irrifjuta li jidħol l-Italja. Il-vapur mistenni jasal is-Sibt.

Il-vapur hu tal-grupp Spanjol Proactiva. L-Open Arms qed jakkuża lill-Gwardja tal-Kosta Libjana li abbandunat lil dawn it-tliet persuni fil-Baħar Mediterran. Ilbieraħ, il-grupp qal li ma setax jafda lill-awtoritajiet Taljani wara li Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan, qal li l-verżjoni tal-grupp f’dak li ġara kienet kollha ġideb.

Sadattant il-Gvern Ġermaniż ta’ bidu għal ħidma legali biex il-Marokk, l-Alġerija u t-Tuneżija jkunu dikjarati pajjiżi fejn m’hemmx periklu biex l-immigranti jintbagħtu lura lejhom kif ukoll iċ-ċittadini minnhom li jmorru jitolbu għal kenn. Ma’ dawn hemm ukoll il-Georgia. Horst Seehofer, il-Ministru tal-Intern Ġermaniż, qal li l-Gvern qed jippjana li mal-lista jiżdiedu aktar pajjiżi.