Gżira United temmew l-esperjenza tagħhom fl-Europa League fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni meta spiċċaw b’aggregate ta’ 5-0 fuq żewġ legs kontra Radnicki Nis tas-Serbja.
Quddiem folla Maltija u Serba, li meta tqis li lagħbu barra minn darhom, tellgħu ammont sabiħ ta’ nies li ma waqfux isemmgħu leħenhom tul id-90 minuta, ir-riżultat tat-tieni leg li ntlagħab fis-Centenary Stadium kien aktar rispettabli fil-konfront tat-tim Malti li tilef kontra dak Serb bl-iskor ta’ 1-0.
L-ewwel taqsima bdiet fuq ritmu mgħaġġel iżda dan naqqas aktar ma’ kemm għadda ħin u l-logħob żvolta aktar f’nofs il-grawnd.
Roderick Briffa sar l-iktar plejer Malti li qatt lagħab f’kompetizzjonijiet Ewropej, f’partita fejn anke kien il-captain tal-ġurnata. Briffa għaqqad b’kollox 41 logħba, li fihom lagħab għall-istess Ġżira, Birkirkara u Valletta biex b’hekk issa il-plejer tal-maroons qabeż lil Gilbert Agius li lagħab 40.
Radnicki marru minn fuq wara seba minuti minn freekick mil-lemin ta’ Aleksandar Stanisavljevic li fl-aħħar tiegħu bir-ras spiċċa Radovan Pankov li mit-tieni lasta xeħet ġewwa.
Fit-13-il minuta, wara azzjoni maħduma tajjeb, Stanisavljevic resaq viċin iżda b’xi mod il-Gżira rnexxilhom idawru f’korner.
Ir-risposta ta’ Gżira waslet fit-22 minuta meta Jorginho kien żmarkat tajjeb minn sħabu iżda x-xutt tiegħu kien ċentrali u faċli għall-gowlkiper.
Radnicki tilfu ċans tad-deheb man-nofs siegħa logħob wara korner li minnu Nermin Haskic naqas milli jolqot kif xtaq u minn quddiem Anthony Curmi xeħet barra.
Hekk kif qabżu s-siegħa logħob, għal darba, darbtejn, tlieta, Marko Mrkic kien perikoluż u daħal fil-kaxxa iżda f’żewġ azzjonijiet minnhom sab lil Clifford Gatt Baldaccino attent li b’tackles perfetti ħadlu l-ballun. Fl-azzjoni l-oħra, Radnicki pprotestaw għall-penalty iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.
FIs-66 minuta, Gżira resqu viċin il-gowl tad-dro iżda minn pożizzjoni angolata Jorginho ra x-xutt tiegħu jagħddi barra.
Is-sostitut żagħżugħ Luca Brincat resaq viċin ferm bir-ras fit-93 minuta wara korner ta’ Briffa, tentattiv li għadda barra bi żbrixx.
Ritratti: Martin Agius