Lokali

Tmut Maria Tabone, l-mara tal-eks President Ċensu Tabone

Il-funeral ser isir nhar it-Tnejn fis-2.00pm fil-Knisja tal-Balluta f’San Ġiljan.

Tħabbret il-mewt ta’ Maria Tabone, mart l-eks President Ċensu Tabone.

Imwielda l-Belt Valletta fid-9 ta’ Frar tal-1920, waqt il-marċ ta’ San Pawl, Maria Tabone egħxet ħajja twila u mimlija li ma kienitx nieqsa mis-sagrifiċċji.

Maria kienet l-akbar fost it-tmien ulied tal-Maġistrat Wirth li kien imur iservi f’Għawdex tul ix-xhur tas-sajf. Kien propju waqt wieħed minn dawn is-sjuf, meta hi kien għad għandha biss 15-il sena, li ltaqgħet ma’ Ċensu Tabone.

Huma tgħarrsu fl-1939 u żżewġu sentejn wara.

Miżżewġa tabib fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, Maria Tabone appoġġjat lil żewġha Ċensu Tabone fir-riċerka tiegħu fil-kura tal-għajnejn, fit-twaqqif tal-unjins tat-tobba, fit -trobbija tat-tfal, kif ukoll fi-servizz tiegħu fil-politika Maltija fi żmien imqalleb ħafna u mbagħad fir-restawr tan-normalita’ politika.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalita sellem lis-Sinjura Tabone u qal li pajjżna tilef mara dinjituża ta’ servizz fil-kwiet. L-istqarrija kompliet tgħid li Maria Tabone għenet lil żewġha f’karriera medika u politika twila, li mbagħad żviluppat fi Presidenza li tat rispett u dinjita’ lil-ogħla kariga tal-istat Malti. L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista hu kburi li nies bħal Maria u Ċensu Tabone mmarkaw l-istorja tiegħu u ta’ pajjiżna, u ta l-għomor lill-familja Tabone.

Maria Tabone mietet fl-eta’ ta’ 98 sena.

Il-funeral ser isir nhar it-Tnejn fis-2.00pm fil-Knisja tal-Balluta f’San Ġiljan.