Daniel Ricciardo se jibda l-Grand Prix tal-Ġermanja fl-aħħar filliera wara li Red Bull kienu sfurzati jagħmlu bidliet fil-magna wara li qabżu l-limitu tal-istaġun. Il-karozza ta’ Ricciardo kellha tliet partijiet mill-magna ġodda, li tpoġġew qabel l-ewwel sessjoni ta’ prattika f’Hockenheim.
Huma qabżu l-limitu fuq penalità ta’ 15-il post u awtomatikament ifisser li Ricciardo se jibda t-tiġrija mill-20 u l-aħħar post, dejjem jekk il-karozzi kollha jagħmlu xi ħin fil-provi uffiċjali tal-lum.
Ricciardo ammetta l-Ħamis li l-penalità kienu mistennija, b’Red Bull qed jippruvaw jevitaw xi penalità għall-Grand Prix tal-Ungerija, minħabba li ċ-ċirkwit hu aktar adattat miċ-ċirkwit ta’ Hockenheim. L-Awstraljan rebaħ żewġ tiġrijiet din is-sena iżda ma spiċċax fuq il-podju fl-erba’ tiġrijiet minn meta rebaħ f’Monaco, u b’konsegwenza ta’ dan jinsab 65 punt bogħod mill-quċċata.
B’żewġ tiġrijiet konsekuttivi fil-Ġermanja u l-Ungerija, Ricciardo ammetta li dawn il-ġimagħtejn huma importanti għall-istaġun tiegħu u ta’ Red Bull. “Bħalissa qed nara li mhux mal-favoriti għall-kampjonat. Iżda jekk niksbu xi riżultati kbar fil-ġimagħtejn li jmiss, nibqgħu fit-taqtigħa,” qal Ricciardo.
//= $special ?>