Lokali

DIJABETE: Il-gvern għandu jieħu s-settur b’aktar serjeta’

Francis Zammit Dimech b'appell ġdid lill-gvern

“Il-gvern għandu jipprovdi biżżejjed labar b’xejn għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete tat-tip 2. Barra minn hekk, il-gvern għandu jieħu s-settur b’aktar serjeta'”

Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech f’kumment li ta lil Net News quddiem il-Ministeru tas-Saħħa sabiex joħloq għarfien dwar it-tbatijiet li għandhom persuni dijabetiċi u l-qraba tagħhom.

Persuni dijabetiċi iridu jtaqqbu subgħajhom diversi drabi matul il-ġurnata biex ikejlu l-livell taz-zokkor fid-demm. Bħalissa l-gvern qed jagħti erba’ labriet kuljum lill-pazjenti li ħafna minnhom iridu jittaqqbu mal-10 darbiet kuljum.

Zammit Dimech għamel appell biex il-gvern jagħti biżżejjed labar lill-pazjenti biex jevita li jinħolqu aktar kumplikazzjonijiet ta’ saħħa lil dawn in-nies. Dawn il-persuni qed ikollhom jixtru l-kaxxi tal-labar minn buthom kull ftit jiem. Kull kaxxa tiswa madwar €6.00.

Filwaqt li l-magna li tkejjel il-livell taz-zokkor u l-istikek ġew provduti, mhux qed jiġu provduti biżżejjed labar.

Francis Zammit Dimech spjega kif waqt li kien qed iżur persuna dijabetika, dan qallu li n-nuqqas ta’ labar xebbaħha ma’ li tingħata karozza u ma tingħatax iċ-ċwievet.

Zammit Dimech qal li meta wieħed iqis in-numru kbir ta’ dijabetiċi li għandna f’pajjiżna, jidher ċar li hemm bżonn li jsir iktar f’dan il-qasam.

Huwa appella lill-gvern biex jipprovdi magni li jkejlu z-zokkor b’mod kontinwu (continuous glucose monitors), biex jagħti labar qosra ta’ 4mm lit-tfal djiabetiċi, u biex iwaqqaf kumitat parlamentari dwar id-dijabete.

Minkejja d-diversi appelli li għamel Francis Zammit Dimech fl-aħħar jiem, il-gvern m’għamel xejn ħlief sab skużi biex jiġġustifika n-nuqqasijiet.