Sport Waterpolo

FILMAT: Bi ftit attenzjoni stajna ġibna riżultat aktar rispettabbli – Karl Izzo

Karl Izzo kritiku lejn il-kontroll tar-referees

Sodisfazzjon mill-kowċ nazzjonali Karl Izzo wara l-partita kontra Franza, hekk kif dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Izzo. Hu qal li kien kuntent bil-prestazzjoni għaliex qal li t-tim lagħab, attakka u ġab il-man-ups.

“Ma naħsibx li min ra l-logħba jista’ jgħid li l-Franċiżi kienu aħjar minna. Tlifna disa’ mill-man-ups li kellna, jiġifieri żewġ gowls lil hawn, żewġ żbalji tagħna fid-difiża, kien ikun skor aktar ħafna rispettabbli.”

Mistoqsi dwar il-kontroll tar-referees, il-kowċ nazzjonali qal li ma kienx kuntent minħabba diversi raġunijiet fosthom li qal li kien hemm żewġ penalties ċari fuq Matthew Zammit, kien hemm żewġ ksur ta’ regoli tal-logħba, fejn ġab l-eżempju li kien żewġ okkażjonijiet fejn plejer kellu jitkeċċa wara li mess il-ballun wara fawl, kif ukoll okkażjoni fejn in-numru 11 ta’ Franza tkeċċa u ma ħariġx u r-referees ma ndunawx. “Dawn huma affarijiet li jippenalizzawna imma kollox ma’ kollox hawn hu post fejn nitgħallmu.”

Għada Malta tilgħab kontra s-Slovakkja, tim li s-sena l-oħra rebaħ kontra l-plejers Malti. Izzo qal li se jaraw il-filmati tal-logħob tagħhom u jaraw il-pożizzjonijiet fejn jistgħu jirranġaw fil-man-ups. Hu jemmen li jistgħu jilagħbu kontra s-Slovakkja minkejja li hu aħjar mit-tim Malti.