Lokali

Films Maltin għadhom ibatu meta mqabbla ma’ films barranin

Dwar is-sena 2017, 11,710 persuna raw films Maltin filwaqt li 745,493 persuna marru jaraw films barranin.

Dan ħareġ fi statistika maħruġa mill-Uffiċju tal-Istatistika Nazzjonali dwar is-sena tal-2017.

Din l-istatistika turi bi ċar li films Maltin għadhom ibatu hekk dawn irreġistraw dħul biss ta’ €62,000 minn 436 wirja ta’ films, bil-films barranin iġibu €4.8 miljun minn 50,360 wirja.

86.8% ta’ dawk li marru ċ-ċinema raw films li ħarġu mill-Istati Uniti filwaqt li films b’produzzjoni Maltija attiraw 1.5% ta’ nies biss.

L-iktar film li rawh nies kien Beauty and the Beast, hekk kif kellu 8.4% tan-nies kollha li attendew matul dik is-sena. Warajh kien hemm ‘The Fate of the Furious’ u ‘Despicable Me 3′, b’udjenza ta’ 3.4% kull film.

Is-sena l-oħra, maċ-ċinemas Maltin kien hemm madwar 177 impjegati, bil-maġġoranza jaħdmu part-time.

Fl-istess sena, kien hemm tmien ċinemas miftuħin, b’total ta’ 35 sala għall-wiri tal-films. Tnejn miċ-ċinemas jinsabu f’Għawdex.