L-appell mill-BOV kontra l-mandat ta’ qbid ta’ €363 miljun ma ġiex milqugħ mill-Qorti Taljana – każ li ilu jiżviluppa mill-2009 meta l-bank Malti kien ħa f’idejh tliet trusts li jikkomponu l-kumpanija Taljana Deiulemar, u li din tal-aħħar falliet tliet snin wara.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-diriġenza tal-Bank of Valletta indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fejn aċċertat li minkejja li bħalissa l-bank għandu €363 miljun f’bonds u securities maqbuda f’bank Taljan, dan l-ammont xorta waħda għadu jifforma parti mill-assi tal-bank u l-interessi fuq dan l-ammont xorta waħda qed imorru favur il-BOV. Iċ-Chairman tal-bank Taddeo Scerri stqarr li l-bank irid jagħmilha ċara li l-pożizzjoni tal-bank hi waħda stabbli hekk kif dan l-ammont hu qatra fl-oċean – dan minħabbal li l-pożizzjoni finanzjarja tal-bank tilħaq it-12-il biljun ewro. Żiedu, li l-BOV qatt ma rċieva l-ammont ta’ €363 miljun fi flus kontanti.
Il-mandat ta’ qbid ta’ €363 miljun mill-Bank of Valletta seħħ hekk kif fl-2014 infetaħ każ fil-Qorti Taljana fil-belt Naplitana ta’ Torre Annunziata mill-kredituri li tilfu l-flus li investew f’din it-trust fund tal-kumpanija Deiulemar. Konsegwentament, il-Bank of Valletta ġie obbligat jiftaħ kont ma’ bank Taljan tal-għażla tiegħu bl-ammont ta’ €363 miljun bħala prekawzjoni – hekk kif il-każ għadu fil-bidu tiegħu u l-merti tal-każ għadhom lanqas biss bdew jinstemgħu quddiem il-Qorti Taljana.
Għalhekk, il-BOV insista li mill-parir tal-avukati Maltin u Taljani tiegħu għandu argument sod sabiex jirbaħ il-każ – iżda fl-improbabbiltà li jintilef il-każ, l-ammont li l-bank jeħel bħala danni fil-każ ċivili jinqatgħu mit-€363 miljun maqbuda f’bank Taljan.
Wieħed mill-argumenti legali tal-BOV hu dak ta’ smiegħ xieraq quddiem il-Qorti – dan minħabba l-fatt li l-media ta’ dan ir-raħal ta’ Torre Annunziata qed tieħu vantaġġ mill-fatt li mill-40,000 ruħ li joqgħdu fil-belt ta’ Torre Annunziata, hemm 13,000 persuna li investew flushom fit-trust ta’ Deiulemar, u qed tinfluwenza l-każ li qed jinstema’ fl-istess belt.
It-tmexxija tal-BOV matul il-konferenza tal-aħbarijiet għamlitha ċara li l-investituri u l-impjegati m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank – hekk kif il-pożizzjoni hi waħda soda, anzi bħalissa l-bank qed jimpjiega aktar nies.
Issa, it-tmexxija tal-Bank of Valletta qalet li trid tħares lejha nnifsha dwar għalfejn l-appell kontra l-mandat ta’ qbid ma ġiex milqugħ, u għandha ssir diskussjoni jekk il-bank għandux jagħmel provvedimenti għal dan l-ammont maqbud.
L-istess ammont maqbud ta’ €363 miljun huwa l-massimu li l-BOV jista’ jeħel f’danni meta jiġi deċiż l-każ quddiem il-Qorti Taljana, dan filwaqt li l-bank jista’ jinstab li ma kellu l-ebda forma ta’ tort u responsabbiltà fil-falliment tal-kumpanija Deiulemar.
//= $special ?>