Ambjent Lokali

“Il-biedja u s-sajd huma prijorità għall-PN” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jissielet biex ikun it-tarka tal-bdiewa u s-sajjieda u li dawn ikunu prijorità.

Tul il-programm Leħen il-Bidwi u s-Sajjied, ippreżentat minn Antoine Attard, Adrian Delia tkellem fuq kif il-prodott Malti, għandu jingħata l-importanza meħtieġa u li dawn ikunu li l-importanza lejn dak lokali tiġi mxerrda anki permezz tal-edukazzjoni.

Huwa qal li tfal tal-lum xi kultant jaħsbu li l-ikel ġej mill-plastik, għax mhux jaraw it-tkabbir tal-frott u l-ħaxix quddiemhom. Mhux qed jaraw il-ġenwinità fil-prodott, għax dak lokali ftit li xejn qed jaraw.

Mistoqsi fuq l-Unjoni Ewropea, il-Kap tal-PN qal li hemm bżonn li l-pajjiż jara kif juża l-Unjoni biex ikun hemm żvilupp f’dan il-qasam. Huwa ġab l-eżempju bi Franza u fuq kemm dawk jakkwistaw mill-UE għal dan is-settur. Hawn saqsa, “Malta x’għandha anqas?” Fl-istess waqt qal li ż-żgħażagħ mhux ifittxu dan ix-xogħol u dan se jkun għajb kbir f’dan il-pajjiż jekk il-qasam jisfaxxa fix-xejn u jmut.

Adrian Delia qal li hemm il-ħtieġa li nfittxu metodi ġodda, uniċi biex is-settur tal-agrikoltura anki jmur lil hinn, jimraħ fuq bażi ta’ turiżmu. Bħal ma rnexxielna bħala nazzjon li nesportaw il-prodott tagħna f’pajjiżi oħra, nieħdu eżempju l-patata, u t-ton fost l-oħrajn. L-istess jista’ dan il-qasam jiġi espost fit-turiżmu u jkun iżda ta’ kwalità.

Il-bdiewa u s-sajjieda hemm bżonn li jingħaqdu flimkien u jfittxu l-interess komuni. Adrian Delia qal li l-PN lest li jisma’ u jara l-ideat ta’ kulħadd u dan se jibqa’ jagħmlu fil-futur qarib.

Tul il-programm il-Kap tal-PN qal li hemm bżonn li bħala pajjiż aħna nagħtu aktar importanza lin-natura, l-ambjent, inħarsu l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.

Intant Adrian Delia tkellem fuq il-ħtieġa li nagħtu importanza wkoll lis-sajjieda, li dawn ta’ kuljum qed ikunu f’riskju, meta jkunu fuq il-baħar. Huwa qal li bħala nazzjon aħna dejjem ħarsu lejna bħala poplu marittimu. Huwa qal li jemmen li Malta tista’ tiżviluppa ferm dan is-settur, settur li jista’ jrendi, mhux biss jaqdi l-lokal, teknoloġija li tinbidel, Malta tista’ ssir iċ-ċentru dinji tar-riċerka, tat-teknoloġija fl-avvanzi ma’ dik li għandu x’jaqsam mal-ħut, mas-sajjieda, mal-aqua-kultura, u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-baħar.

Adrian Delia intant mill-ġdid saħaq u wiegħed li l-PN se jagħti prijorità lill-biedja u s-sajd u li se jħares li jibqa’ jisma lil kulħadd.