L-iskema tat-trasport b’xejn għall-iskejjel li kellha tibda titħaddem mis-sena skolastika li jmiss qegħda toħloq inkwiet fost il-ġenituri tat-tfal li għandhom bżonn it-trasport minn Settembru li ġej.
Hekk kif baqa’ biss xahrejn biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, jidher ċar li din l-iskema saret bl-għaġġla u bla ppjanar tajjeb, u ġenituri qed isibu bibien magħluqin meta jippruvaw jistaqsu dwarha.
Ġenituri li ssoltu jibgħatu lil uliedhom bit-trasport privat, u li ppruvaw ikellmu lill-kumpaniji li offrewlhom dan is-servizz fis-snin mgħoddija intqalilhom li mhumiex jiġu aċċettati depożiti għas-sena d-dieħla għax għadu mhux ċar kif se taħdem l-iskema u mhux qed jagħtu garanzija tas-servizz minn Settembru.
Ġenituri oħrajn li ppruvaw jikkuntattjaw id-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar din l-iskema intqalilhom li għad m’għandhomx informazzjoni.
L-iskema qed issib intoppi anke minħabba l-fatt li jidher li mhemmx riżorsi umani biex titħaddem. Dan peress li ma kienx hemm biżżejed għalliema li laqgħu is-sejħa għall-applikazzjoni għal superviżjoni għal dan it-trasport.
Problema oħra li tidher qed tinkwieta lil ġenituri hija li s-servizz se jkun qed jopera minn numru żgħir ta’ ‘pick up points’. Dan ifisser li l-ġenitur jew min qed jieħu ħsieb lit-tfal iridu jwassluhom sa’ ‘pick up point’ partikolari. Jiġifieri min is-soltu jwassal lil uliedu għand in-nanniet u t-tfal jinġabru minn hemm, issa n-nanniet iridu jwassluhom sal-pick up point.
Il-gvern kien wiegħed li l-iskema tat-trasport b’xejn b’superviżjoni tibda titħaddem minn Settembru li ġej.
//= $special ?>