Sport Waterpolo

Malta megħluba minn Franza iżda turi titjib

It-tim nazzjonali Malti temm Grupp B bit-tielet telfa minn tliet logħbiet, din id-darba b’telfa ta’ 12-6 kontra Franza. Minkejja li hi xorta telfa, il-prestazzjoni tat-tim Malti ma kinitx negattiva, iżda kieku ma sarux żbalji li setgħu ġew evitati faċilment, l-iskor seta’ jkun differenti.

Wieħed ma jridx jinsa li fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew, Malta kienet lagħbet ukoll kontra Franza, u f’Jannar tal-2016 kienet tilfet 17-7. Din id-darba d-distakk hu ta’ sitt gowls minflok għaxra. It-tim Malti seta’ ħa vantaġġ aktar fil-man-ups, b’erba’ gowls biss skorjati minn 13-il okkażjoni.

Aħbar negattiva għat-tim Malti kienet li weġġa’ Dino Zammit. Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li ċemplu mill-isptar fejn jinsab rikoverat, fejn ikkonferma li spalltu ħarġet minn postha u grazzi għal physio Edward Bonello u r-Red Cross reġgħet tpoġġiet f’postha.

Bidu bilanċjat, bit-tim Malti saħansitra jkollu gowl imħassar ta’ Dino Zammit minħabba li ġie ġġudikat li kien fiż-żewġ metri. Proprju ftit wara, Zammit kellu joħroġ mill-pitch hekk kif fl-azzjoni li fiha tkeċċa, deher li qala’ spalltu u kellu jinbidel.

F’nofs is-sessjoni, Dino Guillaume fetaħ l-iskor għal Franza b’xutt ċentrali wara kontrattakk. Van Peperstraete rdoppja l-iskor, biex Ugo Crousillat għamilhom tlieta minn azzjoni ta’ man-up.

L-istess plejer għamel l-iskor 4-0 f’azzjoni oħra ta’ man-up, iżda t-tim Malti naqqas id-distakk b’xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ Stevie Camilleri, bit-tim Malti jiskorja minn man-up. Crousillat reġa’ għamel id-distakk ta’ erba’ gowls b’xutt b’saħħtu bix-xellug.

Il-plejers Maltin qasmu l-logħob aħjar mal-avversarji tant li s-sessjoni ntemmet fi draw. It-tliet gowls Maltin waslu minn sitwazzjonijiet ta’ man-ups. Jerome Gabarretta kien għamel l-iskor momentarju 5-2 b’gowl minn rebound.

Crousillat għamilhom 6-2 b’xutt għar-rokna f’azzjoni ta’ man-up, Van Peperstraete skorja minn rebound, biex Matthias Olivon skorja b’xutt għar-rokna. Ben Plumpton naqqas id-distakk b’man-up maħdum tajjeb ħafna, u minuta wara, Aurelien Cousin skorja b’push-shot mill-viċin.

Franza kabbru d-distakk għal sitt gowls b’gowls minn Enzo Khasz u Saudadier. Matthew Zammit skorja l-ħames gowl Malti b’azzjoni personali mill-isbaħ fis-centre. Hugo Lepoint u Romain Marion-Vernoux skorjaw żewġ gowls oħra minn żewġ kontrattakki. Ben Plumpton għamel l-iskor 12-6 wara li rċieva ballun tajjeb minn Jake Tanti, ddefenda l-pussess u skorja minn quddiem Garsau.

Malta tilgħab il-Ħadd li ġej fit-3.00pm kontra s-Slovakkja.