Gabriel Caruana, direttament jew indirettament, influwenza ħafna nies. L-aħħar tislima li ngħata ma ġġibx fi tmiemha l-epoka ta’ Gabriel Caruana u l-legat li ħalla.
Bil-kuntrarju, pajjiżna hu midjun ma’ Gabriel Caruana li għen fl-iżvilupp tal-identità Maltija. Tana dak li ma kellniex. Kien katalist biex poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa tal-arti moderna u kontemporanja.
Bir-raġun kollu, Gabriel Caruana hu meqjus bħala missier l-arti moderna u kontemporanja. Dak li għamlu uniku, differenti u li jiddistingwi lilu nnifsu hu l-kapaċità tiegħu li ma kienx jibża’ jesperimenta u joħroġ bil-ġdid. Il-kreattività tiegħu taraha tħeġġeġ f’dak li kien joħroġ minn idejh: ċeramika, skultura, disinji, pittura… splużjoni u nisġa ta’ kuluri u sbuħija.
Idejn Gabriel Caruana kienu jwelldu l-innovazzjoni. L-arti tiegħu ma kinetx kopja ta’ ħaddieħor jew tiegħu stess, imma kull biċċa xogħol tal-arti kienet toħloq komunikazzjoni ġdida bejnu, l-arti u min qed jaraha. Komunikazzjoni differenti minn biċċiet ta’ xogħol oħra. L-għafsa ta’ sebgħu fuq iċ-ċeramika kienet tħalli imprompta. Kienet tiftaħ orizzonti ġodda.
Kull min jaf lil Gabriel Caruana jaf kemm idejh kienu miftuħa l-ħin kollu. Idejh kien jiftaħhom biex jagħti u mhux biex jieħu. Jagħti biex jgħallem, jagħti biex jaqsam l-esperjenzi, jagħti biex ħaddieħor ikollu opportunitajiet ġodda. Mhux ta’ b’xejn li Gabriel kien igawdi rispett kbir mhux biss fil-komunità artistika imma kull min b’xi mod jew ieħor kien jafu.
Dejjem nibqa’ impressjonata kif ħafna artisti jgħidulek li għaddew minn taħt idejn Gabriel Caruana jew ġew influwenzati minnu. Kien jgħinhom u ma jistenna xejn lura. Kien jgħinhom u jinfluwenzahom mhux għaliex kien jimponi lilu nnifsu, imma bil-kontra. Kien jinfluwenzahom għaliex kien miftuħ għal kulħadd.
Niftakar fi tfuliti kont ngħaddi minn ħdejn il-Mitħna ta’ Ganu f’Birkirkara u minn barra kont nara post magħluq u mitluq. Pajjiżna ma tantx għandu mtieħen u allura dik il-mitħna fi triq prinċipali kienet dejjem tiġbidli l-attenzjoni. Dejjem kont nixtieq li nidħol fiha u nara x’hemm ġewwa.
Kellhom jgħaddu ftit snin biex dħalt fiha u dan kien propju meta Gabriel Caruana beda jieħu ħsieb din il-Mitħna u fetaħha bħala post għall-esebizzjonijiet ta’ xogħlijiet tal-arti. U anki hawn toħroġ karatteristika oħra tiegħu. Din il-Mitħna ma fetahiex għalih imma fiha kien ikun hemm għall-wiri xogħlijiet ta’ ħaddieħor ukoll. Gabriel Caruana kien jimraħ fl-ispazju u jagħti spazju. L-ispazju jista’ jintuża jew biex jinħolqu konfini jew biex ikun hemm ftuħ beraħ. Gabriel Caruana kien jagħżel it-tieni.
Meta Fr Peter Serracino Inglott kien Rettur tal-Università kienet saret inizjattiva biex l-ispazju fiżiku li toffri l-Università jlaqqa’ lill-istudenti mal-arti ta’ Gabriel Caruana. Ħafna studenti kienu u għadhom jgħaddu minn ħdejn xogħlijiet tal-arti ta’ Gabriel Caruana li huma mferrxa f’diversi spazji miftuħa tal-Università. Ħitan vojta kienu nbidlu b’mod permanenti f’appoġġi għal kreaturi li ħoloq Gabriel.
F’dawn ix-xogħlijiet tista’ tara l-kuntrasti u l-kobor ta’ dan l-artist. Kien juża kull tip ta’ materjal, fosthom cable reels li fuqhom ħoloq xogħlijiet mill-isbaħ. L-istess kien għamel b’tipi oħra ta’ njam. Permezz ta’ jdejh, kien ilaqqa’ l-faqar ta’ njam mhux raffinat, mal-ħila tiegħu li jdawwar biċċa njama mitluqa f’xogħol tal-arti. B’din l-inizjattiva fil-beraħ, l-istudenti u l-istaff jiġu wiċċ imb wiċċ mal-arti.
Min iżur id-Dar Ċentrali u jgħaddi min-naħa ta’ fejn hemm il-midja tal-Partit ukoll jista’ jara ċeramika li għamel Gabriel Caruana.
Jeħtieġ li jsiru aktar inizjattivi bħal dawn f’inħawi u postijiet differenti, fil-magħluq u fil-beraħ. B’hekk insaħħu l-apprezzament tagħna lejn l-artisti u dan nagħmluh f’ħajjithom ukoll u mhux wara mewthom biss.
Gabriel Caruana kien apprezzament tul ħajtu. Ħalla warajh legat. Kien wieħed mill-ġganti artistiċi. Jeħtieġ li pajjiżna jagħti ġieħ lil dan l-artist brillanti. Pajjiżna ma għandu qatt jinsa lil uliedu.
//= $special ?>