Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump jinsab lest biex jintensifika l-gwerra kummerċjali maċ-Ċina. Dan fost it-theddid li hu għandu jimponi t-tariffi għall-affarijiet kollha li jkunu impurtati miċ-Ċina, fejn il-livell ta’ importazzjoni qed ikun ikkalkulat mal-$500 biljuni.
L-aħħar kummenti ta’ Trump ingħataw qabel seta jieħu effett l-aħħar round ta’ tariffi mill-Istati Uniti.
L-awtoritajiet f’Washington, jiem ilu, ħarġu lista ta’ prodotti addizzjonali miċ-Ċina – li huma ekwivalenti għal $200 biljuni – bil-għan li dawn ikunu suġġetti għat-tariffi minn Settembru li ġej.
Il-lista tinkludi aktar minn 6,000 oġġett bħall-prodotti tal-ikel, il-minerali u prodotti għall-konsumatur bħall-basktijiet tal-idejn. Intant, dawn l-oġġetti għandhom ikunu suġġetti għal tariffa ta’ għaxra fil-mija, meta fl-Istati Uniti għadhom għaddejjin il-konsultazzjonijiet pubbliċi li mistennija jdumu sal-aħħar ta’ Awwissu.
Il-President Trump ilmenta wkoll dwar is-saħħa tad-dollaru li qed tolqot ħażin lill-kummerċ fl-Istati Uniti. Hu bagħat messaġġi fuq Twitter fejn qal li s-sitwazzjoni hi dovuta ‘għal manipulazzjoni tal-kambju’ miċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea.
Intant, Trump anki kkritika lill-Federal Reserve tal-Istati Uniti talli għolla r-rati tal-interessi waqt li sostna li ‘l-Istati Uniti mgħandhiex tixpiċċa ssofri għaliex għaddejja minn żmien ekonomiku tajjeb’.
//= $special ?>

