Lokali

17-il persuna se jisfidaw l-elementi tal-Kilimanjaro

Tnediet it-12-il edizzjoni tal-Kilimanjaro Challenge, b’17-il parteċipant li se jkunu qed jisfidaw diversi elementi biex jitilgħu l-ogħla muntajna fl-Afrika u waħda mill-ogħla fid-dinja; b’għoli ta’ 6,000 metru.

Din is-sena l-parteċipanti huma ta’ seba’ nazzjonalitajiet differenti, bl-etajiet tagħhom ivarjaw mid-19-il sena sal-40 sena li ġimgħa wara ġimgħa kellhom diversi preparamenti għal din l-isfida. Dis-sena qed jimmiraw li jiġbru mad-€90,000.

Huma se jkunu qed jiġru l-flus biex fl-aħħar mill-aħħar tinbena dar għal madwar 200 tifel u tifla b’diżabbiltà fl-Etjopja, liema dar se tkun qed tiġi msemmija għal Dun Ġorġ; il-Malti li ħadem fuq din l-inizjattiva iżda li sfortunatament mhux se jkollu l-opportunità li jara l-bini jitlesta lesta. Dan peress li Dun Ġorġ miet f’Settembru tas-sena li għaddiet.

L-ewwel edizzjoni ta’ din l-isfida saret erbatax-il sena ilu, filwaqt li mill-aħħar disa’ proġetti li saru matul dawn l-aħħar snin inġabru madwar €800,000. Il-grupp ta’ din is-sena mistennija li jitilqu minn Malta  f’lejliet il-Milied.