Internazzjonali

Ebda ħjiel għalissa għar-raġuni wara l-attakk ta’ Luebeck

Investigaturi Ġermaniżi qalu li r-raġel li kien arrestat wara l-attakk li kien hemm fuq karozza tal-linja f’ Luebeck, ma kienx qed jikkoopera mal-Pulizija. Intqal li għalissa mhu qed ikun eskluż xejn, lanqas li l-attakk hu marbut mat-terroriżmu internazzjonali.
Skont missier ir-raġel, it-tifel tiegħu kien ibati minn problemi mentali.
Il-Pulizija fil-Ġermanja għadhom fuq l-allert minħabba t-theddida ta’ attakki terroristiċi.
Ir-raġel kien identifikat biss bħala Ali. D, ta’ 34 sena u ċittadin Ġermaniż ta’ nisel Iranjan. Hu lbieraħ tressaq il-qorti akkużat fost l-oħrajn b’attentat ta’ qtil.
Missieru qal li hu kien mar jgħix il-Ġermanja meta ibnu kellu sitt snin, u li hu kien serva fl-armata Ġermaniża, imma reċentament kien bla xogħol.
Is-Sibt disa’ persuni ndarbu hekk kif hu ħebb għall-passiġġieri abbord xarabank diretta lejn Travemuende, fejn hemm bajja popolari mat-turisti, meta kienet f’Luebeck.
Hans-Joachim Grote, il-Ministru tal-Intern tal-Istat Ġermaniż ta’ Schleswig-Holstein, fejn seħħ il-każ, qal li sitta mill-midruba kellhom feriti minn sikkina filwaqt li tlieta kellhom feriti differenti. Kien hemm ukoll ix-xuffier tax-xarabank li ngħata daqqa ta’ ponn mir-raġel. Hekk kif beda jħebb għall-passiġġieri, l-aggressur ta n-nar lil baskett li kien qed iġorr imma fih ma nstab ebda splussiv.
Meta seħħ l-attakk, ix-xuffier kien pront u waqqaf ix-xarabank u beda jħeġġeġ in-nies jinżlu. Għen ukoll li fil-qrib kien hemm karozza tal-Pulizija li mill-ewwel waslet fil-post u setgħu jarrestaw l-aggressur.