Sport Sport Ieħor

Fidda għal Hannah Pace fil-Kampjonat Ewropew tat-Triathlon

Hannah Pace (xellug)

Malta għal darba oħra ħadet post fuq il-podju meta iċ-Champion Nazzjonali tat-Triathlon Hannah Pace rebħet midalja tal-fidda fit-Triathlon, fuq distanza standard (1.5 kilometru għawm, 40 kilometru rota,  10 kilometru ġirja).

Pace li kienet qegħda tikkompeti fil-grupp ta’ età 25-29 kellha kompetizzjoni iebsa ħafna minħabba li dan il-grupp ta’ età kien wieħed mill-ikbar wieħed ikkontestat. Il-Kampjonat Ewropew hu avveniment li jattira iktar min elf atleta minn madwar l-Ewropa.

Minkejja t-temperaturi friski, l-uffiċjali tat-tellieqa ddikjaraw li l-għawm ma kinitx ser tkun bil-wetsuit, minħabba li t-temperatura tal-ilma kienet ta’ 22.6 gradi u għalhekk titqies li hija sħuna biżżejjed. Din id-deċiżjoni hija meqjusa bħala żvantaġġ minn ħafna atleti, iżda l-abbiltà ta’ Pace li ttellaq f’kwalunkwe kundizzjoni rata tagħti prestazzjoni konsistenti. Pace ħarġet mill-ilma fit-tieni pożizzjoni.

Ir-rotta ta’ 40 kilometru li fiha kien hemm it-taqsima tar-rota, għalkemm kienet meqjusa bħala rotta ċatta, ir-riħ qawwi li kien hemm f’diversi partijiet tar-rotta,  għamilha aktar diffiċli għall-atleti. Il-ġirja ta’ 10 kilometri ħadet l-atleti biswit ix-xmara u spiċċat fiċ-ċentru tal-belt.

Pace spiċċat it-tellieqa f’ħin ta’ sagħtejn, seba’ minuti u 53 sekonda. Il-prestazzjoni ta’ Pace ratha tikseb ir-raba’ post fit-taqsima tan-nisa. Pace mhux wiċċ ġdid fuq il-podju ta’dawn il-kampjonati. Minbarra l-midalja tal-fidda li rebħet f’Tartu, Pace kisbet ġabra sostanzjali ta’ midalji mill-ewwel parteċipazzjoni tagħha fl-2013.

Minn dakinhar, Pace rebħet tliet midalji tal-bronż (Geneva Sprint), Dusseldorf (Sprint), Kitzbuhel (Standard), tnejn Fidda (Liżbona – Sprint u Standard) u deheb fit-Turkija (Standard).

“Għalkemm nippreferi ngħum bil-wetsuit, ma qgħadtx naħseb fuq hekk u tajt dak kollu li stajt sabiex inġibu riżultat tajjeb għal Malta. Din is-sena, l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni tiegħi kienu prinċipalment fuq tlielaq fuq distanza twila, speċjalment minħabba t-tellieqa Ironman li jmiss fil-ġimgħat li ġejjin. Minkejja l-fatt li t-taħriġ għat-tlielaq Standard u Ironman ivarjaw sostanzjalment, jien sodisfatta ħafna bir-riżultat peress li l-kombinazzjoni tat-taħriġ ħadem tajjeb,” qalet Pace.